Il-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej iridu tqassim ġust ta' refuġjati
Fl-Unjoni Ewropea il-gvernijiet huma maqsumin bejniethom fejn tidħol l-immigrazzjoni. Hemm xi wħud li jirdu jaċċettaw immigranti u refuġjati, imma oħrajn qed jirrifjutaw dan. Imma minn stħarriġ li sar fost l-opinjoni pubblika fl-Ewropa, jidher li ċ-ċittadini Ewropej għandhom opinjoni differenti u dan għax maġġoranza iridu li jkun hemm tqassim ġust ta' immigranti madwar l-Ewropa kollha u li jkun hemm rispons komuni għall-isfidi li joħorġu mill-immigrazzjoni.
Mill-istħarriġ qed joħroġ biċ-ċar li maġġoranza ta' ċittadini Ewropej
b'mod qawwi huma kontra l-idea li pajjiżi individwali Ewropej jaġixxu
b'mod unilaterali fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Dan l-istħarriġ hu parti minn Eupinions, stħarriġ li jsir b'mod
regolari biex janalizza l-ħsibijiet u l-opinjonijiet taċ-ċittadini
Ewropej fuq kwistjonijiet politiċi kurrenti.
L-istħarriġ sar fost it-28 pajjiż Ewropej u skont l-istess stħarriġ
xejn inqas minn 79 fil-mija tal-Ewropej huma favur li jkun hemm politika
tal-immigrazzjoni komuni fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. 52
fil-mija ta' dawk li wieġbu l-istħarriġ qed isostnu li l-Unjoni Ewropea
għandha tassumi responsabbilità primarja. Huma biss 22 fil-mija ta'
dawk li wieġbu l-istħarriġ li kienu favur li l-politika
tal-immigrazzjoni għandha tibqa' f'idejn il-pajjiż fejn jgħixu. Xejn
inqas minn 79 fil-mija ta' dawk li wieġbu l-istħarriġ irid li jkun hemm
distribuzzjoni b'mod ġust tar-refuġjati u l-immigranti. Apparti dawn
kien hemm 70 fil-mija taċ-ċittadini li jaqblu li dawk l-Istati li
jirrifjutaw li jieħdu responsabbilità ta' immigranti, għandhom iħallsu
għal dan billi jonqsu l-flus lilhom mill-Unjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv u Ċermen ta' Bertelsmann Stiftung, Aart De Geus qal li
"din l-istatistika turi li hemm messaġġ ċar miċ-ċittadini Ewropej fuq
il-politika ta' immigrazzjoni. Dawn qed jgħidu li l-Unjoni Ewropea
għandha ssib soluzzjoni ibbażata fuq solidarjetà, u li din tkun qed
toħloq stabbilità u tipproteġi l-moviment ħieles tal-persuni.
Mill-istħarriġ joħroġ li madwar 80 fil-mija iridu li jkun salvagwardjat
il-moviment ħieles fejn is-Schengen qed jitqies bħala it-tieni l-aktar
kisba importanti ta' l-Unjoni Ewropea wara s-suq intern.
Fatt interessanti li joħroġ hu dak li fil-pajjiżi l-qodma tal-Unjoni
Ewropea hemm 85 fil-mija li jemmnu li l-piż ta' l-immigrazzjoni għandu
jinqasam b'mod ġust, waqt li mill-pajjiżi li ssieħbu ġodda huma 54
fil-mija li jemmnu li l-qsim tal-immigrazzjoni għandu jsir b'mod ġust.
L-istess xejra tidher fejn jirrigwarda penali għal dawk il-pajjiżi li ma
jaċċettawx li jieħdu immigranti, fejn mill-pajjiżi l-qodma huma 77
fil-mija li jaqblu ma' dan, waqt li fejn jidħlu l-pajjiżi li ssieħbu
membri ġodda fl-aħħar snin hemm 41 fil-mija favur miżura simili.
L-istħarriġ jistaqsi ukoll dwar l-aħħar wasliet ta' immigranti, fejn 50
fil-mija jgħidu li ġieli ħassewhom barranin f'arthom u 58 fil-mija
jibżgħu minn effetti negattivi fis-sistemi tal-welfare.
Ritratt: Ian Noel Pace
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home