21 tifel u tifla maħruġin mill-familja naturali b'ordni ta' ħarsien
Minkejja li l-awtoritajiet kompetenti f'pajjiżna jipprovaw jagħmlu minn kollox biex tfal jibqgħu jgħixu mal-familja naturali tagħhom, jirriżulta li matul is-sena li għaddiet kien hemm xejn inqas minn 21 każ ta' tfal li kellha tinħarġilhom ordni ta' ħarsien. Dan ifisser li dawn it-tfal għaddew għand l-Istat u għalhekk dawn inħarġu mill-ambjent naturali tal-familja tagħhom biex tpoġġew fi djar ta' tfal jew inkella qed jieħdu ħsiebhom familji li jiffosterjawhom. Komparat mas-sena ta' qabel kien hemm tnaqqis żgħir ta' ordni ta' ħarsien u dan hekk kif fis-sena 2014 kien hemm 27 ordni ta' ħarsien.Ir-raġunijiet marbutin mal-ħruġ ta' ordni ta' ħarsien huma varji u jinkludi problemi serji ħafna fil-familja fosthom abbuż ta' droga, problemi ta' saħħa mentali u vjolenza domestika.
Jekk nieħdu s-sena 2015 naraw li kien hemm erba' xhur li fihom ma inħarġet ebda ordni ta' ħarsien u dawn kienu Jannar, Frar, Ġunju u Diċembru. Biss imbagħad kien hemm ħruġ ta' tlett ordnijiet ta' ħarsien f'Marzu, tmien każi f'April fejn seba' minn dawn kienu aħwa, u każ wieħed f'Mejju, Lulju u Awwissu. F'Settembru nħarġu żewġ ordnijiet ta' ħarsien waqt li f'Ottubru kien hemm erba' każi. F'Novembru kien hemm każ wieħed biss.
Fir-rigward ta' din is-sena naraw li f'Jannar nħarġu żewġ ordnijiet ta' ħarsien.
Waqt li fil-każ ta' Marzu, it-tfal involuti kienu aħwa u dawn xorta baqgħu jgħixu flimkien, fil-kaz ta' April fejn kien hemm seba' aħwa, dawn spiċċaw infirdu bi tlieta jgħixu f'post u erba' oħra jgħixu f'post iehor.
L-etajiet tat-tfal b'ordni ta' ħarsien ivarjaw minn trabi ta' tlett xhur sa tfal ta' 14-il sena. Jirriżulta li huma biss ħamsa it-tfal li qed ikunu 'fostered'.
L-informazzjoni dwar l-ordni ta' ħarsien fis-sena 2015 ngħatat mill-Ministru Michael Farrugia għal mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home