Saturday, February 20, 2016



Se jkun restawrat torri uniku tal-ilma fil-biċċerija

Il-biċċerija pubblika bħalissa għaddejja f’diskussjonijiet mal-Università ta’ Malta biex jiġi restawrat torri tal-ilma tal-konkrit. Dan hu torri uniku f’Malta. Diġà saret ħidma kbira dwar dan, inkluża riċerka dwar l-istess struttura. It-torri tal-ilma għandu valur storiku liema bħalu hekk kif huwa l-uniku struttura tax-xorta tiegħu fil-gżejjer Maltin. Jidher li t-torri nbena  wara t-Tieni Gwerra Dinjija. L-istruttura tikkonsisti minn tank tal-ilma ċilindriku li jinsab fuq qafas f’forma ta’ lembut b’bażi sferika. Din qiegħda tistrieh fuq 12-il kolonna.
Il-biċċerija pubblika twaqqfet fis-sit eżistenti lejn tmiem is-seklu dsatax, u matul is-snin sarulha diversi interventi biex jitjieb l-operat tagħha. It-torri tal-ilma inkwistjoni kien wieħed mill-istrutturi li żdidulha maż-żmien biex li jinħażen l-ilma. Dawn kienu jinkludu, fost l-oħrajn, sistema ta’ ġibjuni konnessi bejniethom biex jilqgħu fihom l-ilma tax-xita ta’ fuq il-bjut, liema sistema preżentament ukoll qed tiġi rrestawrata.
Jidher li t-torri tal-ilma kien inbena biswit borehole minn fejn, aktarx, kien jinġibed l-ilma li aktarx kien jintuża, dak iż-żmien, biex tinħasel il-biċċerija. Maż-żmien, it-torri ma baqax jintuża u saritlu ħsara konsiderevoli mill-elementi, tant li partijiet tal-konkrit waqgħu.
Il-ħidma bejn il-biċċerija pubblika u l-Università bdiet f’Novembru 2011 u sal-lum issarrfet f’riċerka estensiva dwar il-mod kif inbena t-torri tal-ilma, il-materjali użati fih, l-istat ta’ konservazzjoni tiegħu, kif ukoll in-natura tal-ħsara li ġarrab maż-żmien. Preżentament qed jiġu studjati interventi potenzjali li jistgħu jsiru fuq din l-istruttura u dan bil-għan li fix-xhur li ġejjin jinbeda l-proċess ta’ restawr ta’ din l-istruttura unika li tifforma parti mill-wirt industrijali tal-pajjiż.
Apparti dan, hemm ippjanat titjib u rinovar ieħor fejn tidħol l-operat tal-istess biċċerija.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home