Reżistenza għal skema ta' bdil ta' siringi
Il-kwistjoni dwar siringi użati li qed jispiċċaw mormijin f'diversi żoni, fosthom postijiet frekwentati mit-tfal, qed twassal biex ikunu diversi dawk li jitkellmu dwar il-bżonn li f'pajjiżna jkun hawn sistema effiċjenti fejn jirrigwarda s-siringi użati. Dan b'sejħiet biex f'pajjiżna tiddaħħal dik li tissejjaħ 'skema ta' bdil ta' siringi', fejn min juża dawn is-siringi jieħu l-qodma biex jingħata waħda ġdida. Jidher iżda li minkejja li kien hemm tentattivi fl-aħħar jiem biex jerġgħu jinbdew pjani biex tiddaħħal sistema simili, hemm diversi oġġezzjonijiet għal dan. Ninsabu infurmati li anki fil-qasam mediku hemm nuqqas ta' qbil, fejn hemm min jargumenta li tajjeb li jinġabru s-siringi użati, iżda mbagħad hemm il-kwistjoni ta' min se jirċevihom fil-postijiet li jkunu indikati biex fihom isir il-bdil tas-siringi.Fl-aħħar jiem ippubblikajna ritratti ta' siringi użati f'post fil-Marsa li minnu jgħaddu tfal żgħar ta' kuljum biex jidħlu fl-iskola. Fl-istess post filgħaxija jkun hemm tfal oħrajn jitħarrġu fil-futbol. Fl-aħħar jiem ukoll f'Ħal Luqa, kien hemm għadd ta' siringi mxerrdin fi triq li fiha jarma l-monti.
Mitlub jikkummenta dwar dan, is-Sindku ta' Ħal Luqa, John Schembri, qalilna li, "Ħadt azzjoni b'mod immedjat. Kif wasluli l-ilmenti, qajjimt il-każ mal-Pulizija biex issir aktar sorveljanza fil-postijiet li fihom qed jintefgħu dawn is-siringi".
Is-Sindku tal-Marsa, Frans Debono, f'kumment li tana qalilna li, "Hemm bżonn li jitwassal messaġġ edukattiv u ta' kuxjenza. Min qed juża s-siringi irid ikun infurmat sew fuq l-implikazzjonijiet ta' siringi uzati. Hemm bżonn edukazzjoni biex dawn il-persuni jiddisponu minnhom b'mod tajjeb. Tista' żżid is-sorveljanza kemm trid imma xorta se jibqa' jkun hemm min jarmi siringi mormijin barra, kif ma jkunx hemm sorveljanza. Għalhekk hi importanti l-edukazzjoni".
Ninsabu infurmati li saru tentattivi biex issir xi tip ta' skema li tirrigwarda l-bdil ta' siringi użati, liema pjanijiet jidher li tqajmu fl-aħħar ġimgħat. Jidher li għad hemm nuqqas ta' qbil fuq dawn it-tip ta' skemi, b'mod partikolari dwar min se jirċievi s-siringi użati.
Sorsi li tkellmu magħna qalulna li, "Nittamaw li finalment kulħadd jifhem l-importanza li jitnaqqsu drastikament is-siringi li qed jispiċċaw mormijin barra. Nittamaw li finalment ikun hemm sistema effiċjenti ta' bdil ta' siringi."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home