Ebda rapporti ta' mediċini falsifikati fis-suq lokali
Xejn inqas minn 10 fil-mija tal-mediċini fid-dinja huma foloz. Ħamsin fil-mija tal-mediċini li jinxtraw minn siti onlajn illegali instab li kienu foloz. Apparti dan, 30 fil-mija tal-mediċini f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw instab li huma foloz.
Bir-realtà hi li l-mediċini falsifikati qed jiżdiedu, waqt li qed jiżdied ix-xiri ta' mediċini onlajn anki f'pajjiżna, ir-riskji marbutin ma' mediċini falsifikati qed jiżdied għal dawn il-pażjenti. Quddiem dan l-Unjoni Ewropea għadha kif ħarġet regolamenti, li f'Malta jridu jidħlu fi żmien tlett snin, u li permezz tagħhom se jkun hemm aktar sigurtà fix-xiri tal-mediċini.
L-Awtorità tal-Mediċini f'Malta iddikjarat magħna li matul is-sena li għaddiet ma rċeviet ebda rapporti ta' mediċini falsifikati mixtrijin minn Maltin mis-suq lokali.
F'kummenti dwar dawn ir-regoalmenti ġodda, l-Awtorità għall-Mediċini qalet li, "L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tistma li sa 1% tal-mediċini disponibbli fid-dinja żviluppata jistgħu jkunu foloz. Din iċ-ċifra tiżdied għal 10% fuq skala globali. Is-sena l-oħra, l-Awtorità dwar il-Mediċini f’ Malta ma kellha l-ebda rapport ta’ mediċini ffalsifikati fuq is-suq lokali."
Enfasizzat li, "Il-liġi Ewropea dwar il-mediċini tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika permezz ta’ regolamenti fuq il-kwalità u s-sigurtà tal-mediċini. Fid-9 ta' Frar 2016, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew approvaw regolament ġdid li jipprovdi miżuri ġodda kontra il-falsifikazzjoni tal-mediċini. Id-Direttiva 2011/62/EU tintroduċi karatteristiċi ta’ sigurtà obbligatorji bħala parti mill-pakkett ta’ barra ta’ prodotti mediċinali.
"Dawn il-prodotti mediċinali ser ikollhom fuq il-pakkett ta’ barra identifikatur uniku jiġifieri sekwenza unika mwettqa minn barcode b’żewġ dimensjonijiet li jippermettu l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-pakkett individwali li fuqu tkun stampata. Il-pakkett tal-mediċina jrid ikollu mekkaniżmu kontra t-tbagħbis, jiġifieri tagħmir li jippermetti l-verifika ta’ jekk il-prodott mediċinali ġie mbagħbas.
"Dan ir-regolament jistabbilixxi sistema li fiha l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-prodotti mediċinali, jkunu garantiti permezz ta’ verifika mill-bidu sal-aħħar tal-katina tal-provista tal-prodotti mediċinali kollha li jkollhom il-karatteristiċi tas-sigurtà. Din tapplika għal mediċini kollha li jeħtieġu riċetta medika, u prodotti mediċinali li m’għandhomx bżonn riċetta medika imma jitqiesu f’riskju għoli ta` falsifikazzjoni."
L-Awtorità tal-Mediċini kompliet tgħidilna li, "Malta trid tkun konformi ma’ dan ir-regolament fi żmien tliet snin. L-Awtorità dwar il-Mediċini se tissorvelja l-implementazzjoni ta’ dan ir-regolment f’Malta u se tassigura l-aċċessibiltà tal-mediċini permezz tal-Medicines Intelligence and Access Unit li twaqqaf f’Novembru 2014 fi ħdan l-istess Awtorità".
Enfasizzat li,"F'’Malta hawn 'l fuq minn mitejn spiżeriji liċenzjati mmexxija minn spiżjara. Għalhekk il-konsumatur Malti għandu l-faċilità kollha li jakkwista il-mediċini tiegħu minn post liċenzjat u li jkun assigurat li jieħu mediċini ta’ kwalità, siguri u effettivi u jista' ukoll jieħu parir għaqli ta’ professjonist ikkwalifikat fuq il-mediċini".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home