Tuesday, February 23, 2016


Il-Port Ħieles għandu jieqaf jaħdem billejl
     - is-Sindku ta' Birżebbuġa

Il-kwistjoni tal-ħsejjes mill-Port Ħieles f'Birżebbuġa tqajmet waqt il-laqgħa li l-Kabinett għamel dalgħodu f'Birżebbuġa, bis-Sindku Kevin Barun jiddikjara li l-Kunsill irid li l-Port Ħieles jieqaf jopera bejn l-10.00 ta' billejl u s-6.00 ta' filgħodu.
Ikkuntattjat wara l-laqgħa minn inewsmalta.com, is-Sindku Kevin Barun qalilna li sa issa din il-materja għadha qatt ma tqajmet mal-Port Ħieles. Hu iżda spjega li r-rapport investigattiv dwar il-ħsejjes mill-Port Ħieles, liema rapport intalab mill-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hu lest bħala abbozz u dan imbagħad irid ikun diskuss.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat enfasizza li l-Port Ħieles hu importanti ħafna għall-pajjiż iżda qal li għandu jingħata kas tal-karbiet tar-residenti. Hu semma kif taħt l-amministrazzjoni preċedenti kienet tneħħiet dik li tissejjaħ 'planning gain' li kellha ammont ta' €1 miljun li kellhom jintefqu fil-komunità, u qal li issa li l-Kabinett m'għandu ebda ħsieb li jneħħi xi 'planning gain' oħra li ġiet imposta mill-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal xogħlijiet li qed jagħmel il-Port Ħieles.
Ma setax jonqos li jissemma l-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-gass, bil-Prim Ministru għal darba oħra jikkonferma li fix-xhur tas-sajf din se tibda taħdem.
Fil-laqgħa tal-Kabinett ħadu sehem sindki ta' għadd ta' lokalitajiet fejn dawn prinċipalment qajmu problemi marbutin ma' nuqqas ta' fondi u problemi marbutin mal-istat ħażin tat-toroq.
Bis-Sindku ta' Ħal Luqa John Schembri jsemmi l-problema ta' nuqqas ta' strutturi biex taħthom jistkennu dawk li jkunu qed jistennew it-trasport pubbliku, spikka l-Ministru Joe Mizzi li, għalkemm ma' qal xejn, għamel sinjal li jdejh huma marbutin. Is-Sindku John Schembri tenna li jekk hemm problemi mal-kuntrattur responsabbli dawn għandhom jiġu trattati.
Fl-istess laqgħa tqajmet l-allegazzjoni mis-Sindku ta' Ħal Safi, Johann Mula, fejn dan iddeskriva bħala 'racket' dak li allegatament jagħmlu xi infermieri li jaħdmu mal-Gvern, li fuq inizjattiva tagħhom qed joffru lil persuni anzjani li ma joġorġux minn djarhom, li jeħdulhom kampjun tad-demm f'darhom għal ħlas ta' €10. Din l-istess allegazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Whip tal-Partit Laburista Godfrey Farrugia.
Il-Prim Ministru talab għal aktar dettalji dwar dan u ddikjara li din se tkun investigata.
Is-servizz tat-trasport pubbliku wkoll issemma, fejn is-Sindku tal-Qrendi rringrazzja lill-Ministru Joe Mizzi.  Is-Sindku tas-Siġġiewi, Karol Aquilina, f'intervent li għamel iddikjara li s-servizz tjieb iżda qal li l-puntwalità għadha problema.
Ritratt Roger Azzopardi

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home