Wednesday, February 24, 2016

Tribunal 'knocked out' mill-GWU 

           - Carm Mifsud Bonnici

Wara li l-General Workers Union (GWU) rebħet kawża kostituzzjonal dwar it-tribunal industrijali, fil-Parlament beda jiġi diskuss abbozz ta' liġi li jġib it-tribunal industrijali kompatibbli ma' dak deċiż mill-Qorti Kostituzzjonali. Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, f'intervent fil-Parlament qal li t-tribunal industrijali ġie 'knocked out'. "Dan ingħata d-daqqa tal-mewt,” qal filwaqt li ddikjara li dan l-abbozz imressaq mhux tajjeb biżżejjed u li hemm ir-riskju li ssir kawża kostituzzjonali oħra u jerġa' jieqaf kollox.
Carm Mifsud Bonnici qal li, "Il-GWU ħasset li għandha tagħmel sfida lil dan it-tribunal u l-isfida tagħha inexxiet. Il-Qorti qalet li dan it-tribunal kif inhu kompost għal numru ta' raġunijiet mhux tajjeb skont il-Kostituzzjoni. Issa hemm bżonn li mhux wieħed jiddiskuti l-liġi kollha tax-xogħol imma niddiskutu din l-emerġenza. L-emendi proposti ma sarux tajjeb."
Il-Prim Ministru kien tkellem dwar din is-sentenza Kostituzzjonali u qal li dan juri li l-Gvern Nazzjonalista kien kiser il-Kostituzzjoni.
L-abbozz jgħid li, "Il-Ministru jista’, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, ineħħi membru minn fuq il-lista maħtura għal raġunijiet ta’ mġiba ħażina ppruvata, ineffiċjenza ċara jew inkapaċità li jaqdi jew taqdi l-funzjonijiet tiegħu jew tagħha kemm minħabba f’mard korporali jew mentali. Id-deċiżjoni għat-tneħħja ta’ tali membru għandu jkun fiha raġunijiet u tkun soġġetta għal dritt ta’ appell lill-Qorti tal-Appell, minn dak il-membru, li għandu jiġi ppreżentat fi żmien għoxrin ġurnata mid-data meta dik il-persuna tiġi notifikata bid-deċiżjoni. Ir-regoli tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li jirregolaw is-smigħ u d-determinazzjoni ta’ appelli minn sentenzi tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għandhom japplikaw għal tali appell. Apparti dan jgħid ukoll li xejn f’dan l-Att ma għandu jinftiehem li jeżenta lil xi persuna li tifforma parti mit-Tribunal milli taġixxi b’indipendenza u imparzjalità u skont il-liġi fis-smigħ u fid-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet li jinġiebu quddiem it-Tribunal irrispettivament mill-proċedura li biha jew il-lista li minnha dik il-persuna kienet nominata biex tifforma parti mit-Tribunal.". L-għanijiet u raġunijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma sabiex id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali li jirrigwardaw it-Tribunal Industrijali jinġiebu kompatibbli ma’ żewġ sentenzi mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fit-12 ta’ Frar, 2016, u biex jissaħħaħ ir-rispett għad-dritt ta’ smigħ xieraq quddiem l-imsemmi Tribunal.
F'kummenti li kien ta lil L-ORIZZONT dakinhar li ngħatat is-sentenza, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, esprima s-sodisfazzjon kbir tiegħu għal fatt li wara proċess li dam sejjer seba' snin sħaħ, il-GWU ngħatat raġun fl-għola istituzzjoni tal-pajjiż.
Kien nhar it-18 ta' Ġunju tas-sena li għaddiet, meta l-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Anna Felice ħarġet b'din id-deċiżjoni f'kawża li l-GWU fetħet kontra l-Avukat Ġenerali.
Il-każ kellu l-bidu tiegħu wara t-talba li għamlet l-eks-Segretarja ta' waħda mit-taqsimiet tal-GWU, Josephine Attard Scicluna, fejn din allegat li kellha impjieg li ġie terminat mill-unjin għal raġunijiet mhux validi fil-liġi.
It-Tribunal Industrjali kien ġie fformat minn persuna waħda fil-kariga ta' Ċerperson u kien maħtur mill-Ministru responsabbli mil-liġi dwar l-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali.
Il-GWU ilmentat fost l-oħrajn, li l-mod kif twaqqaf it-Tribunal Industrijali kien jikser kemm il-Kostituzzjoni ta' Malta kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea fost oħrajn, għax il-membri tiegħu ma jgawdux sigurtà biżżejjed fil-mili tal-kariga tagħhom.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali wieġeb li t-Tribunal Industrijali jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' tibunal indipendenti u mparzjali, imwaqqaf bil-liġi kemm Maltija kif ukoll dik Ewropea.
Madankollu fid-deċiżjoni tagħha, il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Anna Felice, laqgħet it-talba tal-GWU u iddikjarat li l-kompożizzjoni tat-Tribunal jikser id-dritt għal smiegħ xieraq.
L-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza mogħtija. Iżda l-Qorti Kostituzzjonali ppreseduta minn tliet Imħallfin, mhux talli taw raġun lill-argumenti li ressqet il-GWU imma anke kkonfermaw is-sentenza mogħtija mill-Imħallef Felice.
F'dawn il-kawżi, il-GWU kienet rappreżentata mill-Konsulent Legali tagħha Dr. Aron Mifsud Bonnici u Dr Abigail Critien mill-Uffiċċju Legali tal-GWU.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home