L-ewwel qal li Galdes daħħal in-nies fil-pitkalija u mbagħad qal li 'daħlu nies fil-pitkalija mid-distrett ta' Galdes'
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina f'intervent fil-Parlament allega li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes kien impjega nies mid-distrett tiegħu fil-pitkalija - dikjarazzjoni li mmedjatament qajmet reazzjoni mill-istess Segretarju Parlamentari. Wara li kien mitlub jikkjarafika x'qed jgħid u jekk hux se jissostanzja l-allegazzjoni li s-Segretarju Parlamentari impjega nies fil-pitkalija, id-Deputat Nazzjonalista ddikjara biss li hu qed jgħid li daħlu nies fil-pitkalija li huma mill-istess distrett li fih jikkontesta s-Segretarju Parlamentari Galdes. Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina fl-intervent tiegħu qal li, "Il-bdiewa qed ikollhom jistennew sigħat sħaħ biex jieħdu l-kaxxi. Aktar ma jgħaddi żmien, flok il-Gvern jitgħallem mill-iżbalji qed jgħaddas rasu fir-ramel. Fis-sajf kellna l-Gvern li ħareġ l-offerti għall-kaxxi. Issa rġajna b'għadd ta' kaxxi neqsin. Mhux biżżejjed li żżid il-kaxxi b'20,000. Is-settur agrikolu hu wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija ta' pajjiżna iżda dan għaddej minn perjodu diffiċli. Mingħajr dawn il-kaxxi, il-prodott ma jistax jidħol fil-pitkalija. F'Lulju li għadda ħareġ avviż legali u dan għolla l-kontribuzzjoni tal-bdiewa bi 300 fil-mija. Din hi kontribuzzjoni għall-kaxxi. Din iż-żieda saret biex jitjieb is-servizz tal-kaxxi. Imma ż-żieda serviet biex is-Segretarju Parlamentari daħħal għadd ta' nies jaħdmu mal-Gvern fosthom xi wħud mid-distrett tiegħu".Hawnhekk is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, f'point of order, talab lid-Deputat Nazzjonalista biex jissostanzja dak li qal. Toni Bezzina qal li minn mistoqsijiet Parlamentari rriżulta li fil-pitkalija daħlu nies li huma mid-distrett elettorali tas-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li Bezzina qal li ġew impjegati persuni minnu mid-distrett tiegħu. Hu staqsa jekk hux qed jiċħad li dawn ġew impjegati minnu.
Wara intervent mill-Ispeaker Censu Galea, id-Deputat Nazzjonalista qal li hu ried jgħid li "fil-pitkalija daħlu nies mid-distrett tas-Segretarju Parlamentari".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home