Tuesday, March 1, 2016

‘Bżonn żieda ta’ 0.5% fir-rati ta' interess’ - l-ekonomista Carm Farrugia jisħaq li hemm bżonn l-intervent tal-Gvern

Bl-interessi dejjem neżlin fuq id-depożiti, fejn hemm min qed jistaqsi dwar jekk hux se naslu bil-punt li flok tieħu interessi għal flus depożitati fil-banek tispiċċa tħallas talli tiddepożita, l-ekonomista Carm Farrugia meta tkellem magħna saħaq li fl-opinjoni tiegħu jħoss li wasal iż-żmien li l-Gvern jintervjeni fejn jidħlu r-rati tal-imgħax u dan aktar u aktar meta terz tal-Bank of Valletta hu tal-Gvern. Hu spjega li l-Gvern għandu jintervjeni biex ir-rati jogħlew 'l fuq biex dawn għall-inqas f'termini reali jirriflettu l-għoli tal-ħajja. Meta mistoqsi kemm iħoss li għandhom jogħlew hu qalilna li "fl-opinjoni tiegħi nemmen li r-rati ta' interessi għandhom jogħlew kollha b'0.5 fil-mija".
L-ekonomista Farrugia tkellem m’inewsmalta.com dwar ir-rapport tal-aġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali li ħareġ fl-aħħar jiem. Dwar id-depożiti tal-familji, Carm Farrugia qalilna li "dan hu indikatur pożittiv li dawn baqgħu jiżdiedu b'mod qawwi. Irrid ngħid li s-suċċess ekonomiku hu dovut hu għall-Malti li anke meta jkun fqir dan kapaċi  jġemma'. Bħala nies il-Malti iġemma' flus aktar minn ħaddiehor. Din imbagħad tirrifletti ruħha fl-ekonomija. Għandna banek sodi u esportazzjoni qawwija. Jekk tagħsar kollox issib li kollox hu dovut għall-karatteristika tal-Malti li jġemma'".
Mistoqsi dwar ir-rati baxxi ta' interessi u kif xorta qed jiżdiedu d-depożiti u investimenti, Carm Farrugia qalilna li "x'imkien il-flus qed isibu ruħhom. Flus qiegħda ma jeżistux.  Qed nassumi li f'Malta kważi kulħadd għandu kont il-bank. Issa li qed jiġri hu li minħabba  l-extra funds li jkollhom l-banek, dawn qed iżommu rata ta' interessi baxxa. Naħseb li r-rati ta' interessi għandhom jiżdiedu. Għaliex bniedem li ġemma' ma ttih kważi xejn f'interessi? F'termini reali meta ġġemma' b'rata ta' 1 jew 1.5% bil-kemm tlaħħaq mar-rata tal-għoli tal-ħajja."
Intant mir-rapport ekonomiku tal-Bank Ċentrali joħroġ li l-attività ekonomika f'Malta kompliet tespandi b'mod robust fit-tielet kwart tas-sena 2015 bil-Prodott Domestiku Gross żdied b'5.4 fil-mija fuq is-sena ta' qabel. Ir-rapport jgħid li t-tkabbir kien xprunat mid-domanda domestika, waqt li l-indikaturi turistiċi juru li se jkompli jkun hemm żidiet.  
L-istess rapport isemmi kif l-ammont ta' nies li qegħdin fid-dinja tax-xogħol komplew jiżdiedu waqt li dawk bla xogħol komplew jonqsu.  Ir-rapport jgħid ukoll li l-pressjoni fuq il-prezzijiet kienet moderata. F'Jannar ta' din is-sena, l-inflazzjoni kienet ta' 0.8%

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home