Tuesday, March 1, 2016

Sewwieqa kurjużi dwar apparat li se jgħin fil-kontroll tat-traffiku

Fl-aħħar jiem għadd ta' sewwieqa ilmentaw magħna dwar apparat li twaħħal mad-dwal li jikkontrollaw it-traffiku. Jidher li sa issa dan l-apparat għadu ma twaħħalx mad-dwal kollha. B'kollox twaħħlu 34 apparat. Dan l-apparat qajjem kurżità. Kien hemm min beda jgħid li se jintuża kontra min isuq jekk id-dwal ikunu ħomor.  Il-Ministeru għat-Trasport meta mistoqsi minn inewsmalta.com qalilna li, "Dan l-apparat jiddetermina jekk hemmx nies fejn id-dwal li jikkontrollaw it-traffiku jistennew biex jaqsmu jew jekk hemmx nies li qegħdin jaqsmu. L-apparat se jgħin biex jaġevola aħjar it-traffiku u jgħin is-sigurtà ta’ dawk li qed jaqsmu t-triq. Jekk persuna, eżempju xi anzjana, ddum iżjed biex taqsam, l-apparat jestendi l-ħin li d-dawl juri aħmar għall-karozzi."
L-istess ministeru qalilna li, "L-apparat huwa parti mis-sistema intelliġenti tal-immaniġġjar tat-traffiku li qed tiġi mplimentata (VMS). Ġew implimentati numru ta’ sinjali elettroniċi u qegħdin jitwaħħlu wkoll numru ta’ kameras tas-sigurtà. Il-kameras se jagħtu stampa ċara ta’ dak li qed jiġri fit-toroq arterjali Maltin. Il-kameras u s-sinjali elettroniċi se jkunu kkontrollati minn ċentru għall-kontroll tat-traffiku. Ċentru li se jgħin biex it-traffiku jkun kontrollat aħjar f’każ ta’ xi inċident jew xogħol fit-toroq."
Din hi l-ewwel fażi tal-proġett fejn permezz tagħha se tinġabar informazzjoni ċara ta' x'qed jiġri fit-toroq Maltin.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home