Monday, March 7, 2016

L-Għarix……post storiku
li qed jitwaqqa'


Il-binja storika msejħa 'l-Għarix' f'Delimara, il-post fejn saru negozjati kbar u ttieħdu deċiżjonijiet kbar li bidlu lil Malta mill-Prim Ministru Dom Mintoff, issa qed titwaqqa'.    Wara li l-post kien inbiegħ ftit xhur ilu, issa bdew jitwaqqgħu partijiet minnu.  Għal ħafna persuni li jiffrekwentaw il-post, fosthom dawk li kien jafu sew lil Perit Mintoff, it-twaqqiegħ ta' parti minn dan il-post mhu juri xejn għajr insensittivita lejn parti tal-istorja tagħna.  Post li l-importanza tiegħu toħroġ ukoll mill-ammont kbir ta' kapijiet ta' Stati barranin li żaru dan il-post f'negozjati ma' Mintoff. Fost dawk li għamel ħin twil f'dan il-post ma kien ħadd ħlief is-Senatur Amerikan Al Gore magħruf għal kampanji li għamel favur l-ambjent fosthom għal Protokoll ta' Kyoto.
L-ORIZZONT lbieraħ mar fuq il-post fejn dawra mas-sit stajna naraw xogħlijiet li għaddejjin fuq din il-binja, b'ħitan imwaqqgħin. L-importanza ta' dan is-sit kien ġiet espressa ukoll meta ġie biex jitnieda l-ktieb 'Mintoff: Il-bniedem u l-Istorja'.
Mario Cutajar, li llum hu l-Kap taċ-Ċivil meta tnieda l-ktieb kien qal li l-għażla ta’ dan il-post biex tnieda l-ktieb  sar minħabba l-importanza storika u sentimentali li għandu, kemm għax pesonalment marbut ma’ Mintoff daqskemm ma’ ħafna laqgħat ta’ sinjifikat nazzjonali għal pajjiżna li saru ġo fih.
"Qabditni dieqa kbira nara dan il-post jitwaqqa'. Turik kemm minkejja l-kuxjenza favur il-wirt storiku tagħna, xorta nibqgħu neqirdu postijiet ta' valur. Dan hu post li fih issawret Malta li nafuha llum. Post li żaruh ħafna kbarat. Possibbli ma konniex kapaċi nagħmlu xi ħaġa fih li verament tfakkar lil Mintoff", qalilna wieħed min dawk li segwa l-Mintoff sa mill-bidu tiegħu.
Mintoffjan iehor qalilna li "f'pajjiżi serji postijiet bħal dawn jinżammu u fihom isiru esebizzjonijiet u wijiet marbuta ma' dak li jkun sar hemm. Anki dar li persuna prominenti tkun għexet fiha għal ftit żmien jagħmluha attrazzjoni. Hu d-dar ta' Einstein f'Bern. Bilkemm hemm fejn iddur imma bi preżentazzjoni awdjo viżwali, ituk esperjenza dwar dan ix-xjenzat".
Kumment ieħor li għaddielna persuna oħra kien jgħid li "l-Għarix kien il-mimmi t'għajnejn il-Perit Mintoff.  Dan il-post hu marbut miegħu. Immaġina dak il-bini kien jista' jitkellem u jesprimi x'kien iħoss Mintoff sew fil-ferħ u sew fid-dwejjaq. Naħseb li l-Għarix għandu jibqa' ikkultivat kif kien li l-publiku jkun jista' jżuru ħalli jibqa' tifkira ħajja tal-mibki Duminku Mintoff.  Dak il-post kellu jinżamm għal ta' warajna biex huma jibqgħu jisimgħu fuq il-perit u jammiraw fejn kien jgħaddi ħajtu fil-ħin liberu tiegħu".
L-Għarix kien inbiegħ għas-somma ta’ €250,000.  Ta' min jgħid li din id-dar kienet ukoll l-kawża ta’ proċeduri legali li l-familja Mintoff għamlet kontra l-Gvern Malti għall-kumpens talli inbena l-impjant tal-enerġija f'Delimara eżatt faċċata tagħha. Fl-2006 il-Qorti Kostituzzjonali kienet ikkonfermat sentenza tal-ewwel Qorti għall-kumpens ta’ €838,5074

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home