Monday, March 7, 2016

Se jingħalaq f'April u fi żmien sena għandu jitlesta x-xogħol…..

Għall-ewwel darba……se
jitkejjel l-impatt fuq l-Ipoġew


Il-blat li jdawwar l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni, se jkun analizzat fid-dettal u se tinħoloq metodoloġija li permezz tagħha se jibda isir kejl tal-impatt fuq l-Ipoġew ta' Ħal-Saflieni. Dan jinkludi kemm jekk hemm deterjorazzjoni fil-blat kif ukoll jekk hemmx żieda ta' materjal fuq l-istess blat konsegwenza taċ-ċirkostanzi tal-post. Il-kuratriċi tal-Ipoġew, Marie Elena Zammit, spjegat lil L-ORIZZONT li bħalissa hemm għadd ta' studji għaddejjin rigward l-Ipoġew. Enfasizzat li issa għaddejja ukoll ħidma biex tinħoloq metodologija u li permezz tagħha eventwalment se jkun hemm pjan ta' kif jistgħu jkejlu jekk hux qed issir deterjorazzjoni.
Hi spjegat li permezz ta' din il-metodoloġija li se tinħoloq se jkun magħruf jekk il-ġebla tas-sit hix qed tfarfar jew jekk hux qed ikun hemm żieda magħha. "Tajjeb li tkellel id-differenzi li jsiru minn żmien għal żmien għax b'hekk ikollna informazzjoni ta' x'qed jiġri u kif nistgħu nipprevjenu għall-problemi li jistgħu jfeġġu fil-futur. Bħalissa għaddej stħarriġ bioloġiku dwar l-organiżmi li qed jikbru hemm. Ġbarna ukoll informazzjoni ta' kif inhu s-sit illum."
Hi spjegat li l-Ipoġew se jingħalaq fl-4 ta' April u qaltilna li għad m'hemmx data preċiża ta' meta se jerġa' jinfetaħ. Spjegat li l-proġett li hemm irid jitlesta sa' April tas-sena 2017 u għalhekk hu mistenni li sa dakinhar l-Ipoġew ikun fetaħ.
Ta' min jgħid li minn studji li diġà saru, qed joħroġ biċ-ċar li l-akbar sfida li għandu l-Ipoġew hi dik tal-bidla fit-temperaturi.  Peress li hi struttura taħt l-art, bidla fit-temperaturi twassal għal tibdil fil-kundizzjoni tal-ġebla fosthom fl-imluħa tal-ġebla li tispiċċa tikkristalizza u tagħmel ħsara lill-istess tpinġijiet li hemm.
Sar  studju fejn raw l-istat ta' kull ħajt, saqaf u art fejn qed ikun dokumentat kollox.  Marie Elena Zammit kienet qaltilna li, "l-akbar sfida li għandna hi l-bidla fit-temperatura. Din toħloq sfidi kbar għax meta t-temperatura tinbidel, l-imluħa tal-ġebla tinbidel u tikkristalizza. Din tagħmel ħsara lill-ġebla u lit-tpinġijiet li hemm u li dawn jinsabu fuq il-wiċċ tal-ġebla."
Dan il-proġett hu ffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt l-EEA. L-Ipoġew ta' Ħal Saflieni kien tempju li tħaffer fil-blat, kważi 4,500 sena.  Hu jixbaħ tempji oħra li nstabu fuq wiċċ l-art fosthom dak ta' Ħal Tarxien.  Il-blat ta' dan it-tempju uniku li tħaffer kollu bl-idejn, għandu fond ta' 13-il metru u hu maqsum fi kmamar fi tlett livelli.  L-isbaħ kamra u l-isbaħ parti ta' dan l-Ipoġew hi l-kamra tan-nofs, li qisha qiegħda wieqfa fuq kolonni. Fl-istess sit hemm dak li jissejjaħ l-Oraklu - toqba fil-ħajt minn fejn il-ħoss jidwi mal-maqdes kollu. F'din l-istess kamra hemm it-tpinġija li turi is-siġra tal-ħajja.
Fis-saff ta' fuq nett,  kienu jindifnu l-mejtin.  Fis-saff tan-nofs tħaffru kmamr fit-tond - li jixbħu lil dawk tat-tempji u dawn ġew imżejnin bi tpinġijiet.  Fis-saff ta' taħt nett, hemm kmamar oħra imqassmin qishom xi wieħed mit-tempji.


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home