Telfa għal Malta u telfa għall-istorja
- Joe Camilleri, eks Segretarju Privat tal-Perit Mintoff
Il-każ dwar twaqqiegħ tal-binja storika tal-Perit Mintoff f'Delimara, wasslet għal diversi reazzjonijiet b'mod partikolari minn persuni anzjani. Mitlub jikkummenta dwar dak li qed iseħħ f'din il-binja li nbiegħet fl-aħħar xhur, Joe Camilleri l-eks Segretarju Privat tal-Perit Mintoff qalilna li "dik hi binja storika. Li jitwaqqgħu partijiet minnha hi telfa għal Malta u telfa għall-istorja".
Joe Camilleri, li kien is-Segretarju tal-Prim Ministru Dom Mintoff bejn
l-1971 u l-1979, qalilna li "l-Għarix kien ir-residenza privata
tal-Perit Mintoff. Jien inqis li dan hu post storiku. Kif nafu jien,
Mintoff kien jgħix il-ħajja privata tiegħu f'dak il-post. Fih kien
iltaqa' ma' għadd kbir ta' kapijiet ta' Stati u ambaxxaturi. Hemmhekk
kien isir ħafna xogħol fl-interess ta' Malta. L-Għarix għandu storja
twila ħafna. Hi ħasra li dan il-post twaqqgħu partijiet minnu".
Hu enfasizza li "Gaddafi mar kemm il-darba hemm. L-ambaxxaturi tista'
tgħid kollha. Anki l-Arċisqof Gonzi kien mar hemmhekk u kellu
diskussjonijiet fil-privat mal-Perit Mintoff. Kienu jkunu
diskussjonijiet bogħod minn għajnejn il-gazzetti u ħadd ma kien ikun jaf
bihom".
Intant fost il-kummenti li waslu għand L-ORIZZONT wara li xandarna l-aħbar li partijiet mill-Għarix bdew jitwaqqgħu, kien
hemm għadd kbir minnhom li kien jgħidu li kien jagħmel sens li dik
il-binja ssir mużew fuq il-Perit Mintoff.
"Għadna fiċ-ċans li forsi nsalvawha din id-dar. Kif ħadd ma ġiet
f'rasu, inkluż l-awtoritajiet li dik id-dar tinżamm. B'monumenti biss fi
pjazza mhux se turi verament min kien il-Perit Mintoff. Tinsab f'post
li hu ftit bogħod minn park naturali. Ftit bogħod hemm fanal u fortizzi
militari mitluqin. La darba jiġu rranġati dawn, flimkien ma' mużew
għall-Perit, żgur li kienet tkun esperjenza unika għal min iżur
il-post", qalilna resident minn Marsaxlokk.
L-Għarix kien inbiegħ għas-somma ta’ €250,000. Ta' min jgħid li din
id-dar kienet ukoll l-kawża ta’ proċeduri legali li l-familja Mintoff
għamlet kontra l-Gvern Malti għall-kumpens talli inbena l-impjant
tal-enerġija f'Delimara eżatt faċċata tagħha. Fl-2006 il-Qorti
Kostituzzjonali kienet ikkonfermat sentenza tal-ewwel Qorti
għall-kumpens ta’ €838,5074.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home