Saturday, April 2, 2016

Erba' xhur barra l-ħabs… jiddependu mill-karità biex jieklu

Għaddew xejn inqas minn erba' xhur mindu nħareġ mill-ħabs b'ta' fuqu senduqu. Minn dak inhar 'l hawn beda jgħix miegħu eks priġunier ieħor. Kienu ġimgħat li ppruvaw isibu xogħol. Anki permezz ta' interventi ta' terzi persuni.  Minkejja dawn it-tentattivi sa issa għadhom ma tawx riżultati pożittivi.  "Għadhom bla xogħol. Kull ġimgħa jiddependu mill-karita tan-nies. Jekk ma jasalx ikel ma jiklux. Dik hi r-realtà li qed jgħixu fiha dawn l-eks priġunier", qalilna voluntier li qed jgħinhom permezz ta' after care programme ta' Prison Fellowship".
Il-voluntier ta' Prison Fellowship meta kkummenta ma' inewsmalta.com qalilna li "tgħidtx kemm jixtiequ jaħdmu. Ippruvaw ħafna isibu xogħol. Biex jerġgħu jaqbdu t-triq li jintegraw fis-soċjetà hu mportanti li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Lesti jaħdmu kullimkien ibda minn xogħol fil-kostruzzjoni, inaddfu, handyman u xogħol iehor.  Jekk mhux se jsibu xogħol se jibqgħu dipendenti fuq il-karità tan-nies. Ħasra li ssibhom jistennewk ġew bl-ikel biex jieklu".
L-istess voluntier qalilna li "bħalissa għandhom bżonn groceries, żejt, ċereali, kafe, ħalib, ħobż, ġobon, frott, laħam u prodotti tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Min irid jgħin jista' jġib il-prodotti għand Prison Fellowship billi jagħmlu kuntatt fuq 9982 0726.  Dawn l-eks priġunieri qed jingħataw għajnuna minn programm 'after care' tal-istess Prison Fellowship fejn prattikament ħafna mill-flus qed jispiċċaw jinħarġu minn voluntieri."
inewsmalta.com tkellem maċ-Ċerpersin tal-Alleanza Kontra l-Faqar, Charles Miceli, dwar ir-realtà li qed jgħixu fiha dawn l-eks priġunieri. Hu qalilna li "kull bniedem għandu d-dritt għad-dinjità tiegħu. U din id-dinjità ma tistax tkun biss fuq il-karta imma l-istat irid jipprovdi l-mezzi ħalli kull persuna jkollha l-ħtiġijiet bażiċi tagħha sodisfatti. Qed nitkellmu fuq ikel, saqaf, inklużjoni, xogħol u oħrajn. Fost dawk l-aktar li jħabbtu wiċċhom ma’ dawn in-nuqqasijiet hemm l-eks priġunieri u rridu naraw li jkun hemm sistema ta’ aftercare li taħdem. Mhux qed ngħid li mhu jsir xejn, imma jrid isir aktar. Irridu nifhmu li l-priġunieri, fil-maġġoranza tagħhom, se jirritornaw lura fis-socjetà. U dak huwa l-iskop ta’ Facilità  Korrettiva. Li tara li dawn in-nies meta joħorġu minn Kordin jerġgħu jintegraw fil-komunità. Inkunu qed infallu fil-missjoni tagħna jekk inżommuhom imsakkrin biss imbagħad m’għandniex x’naqsmu x’jiġri minnhom wara li jiġu rilaxxati."
Charles Miceli spjega li "hawn ta’ min isemmi li dan kien wieħed mill-għanijiet tal-Parole imma għal xi raġuni hemm xi priġunieri li qed jaqgħu mit-toqob li fiha s-sistema. Ix-xelters ippjanati mill-Gvern, il-Caritas u Alf Mizzi & Sons huma pass ‘il quddiem. Imma ovvjament irid ikun hemm aktar strutturi biex in-nies li sfortunatament jispiċċaw f’dawn ix-shelters ikunu f’pożizzjoni li jqumu fuq saqajhom u ma jibqgħux jittalbu jum wara jum biex jieklu."
minn l-orizzont

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home