Thursday, April 28, 2016

Ma jistax ikun ikun l-integrazzjoni tispiċċa mal-klassi...din is-segregazzjoni trid tispiċċa" - il-Prim Ministru Joseph Muscat

"Meta kont fis-sekondarja kelli miegħi fil-klassi student wieħed b'diżabilità. Kien student b'diżabilità fiżika. Illum it-tfal tiegħi fil-klassi għandhom diversi studenti b'diżabilità anke intellettwali.
L-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità ma jistax ikun li tieqaf mal-klassi. Din is-segregazzjoni issa trid tispiċċa. Illum jum importanti ħafna, għax liġi ta' kważi ħamsin sena ilu, se nibdew nimplimentawha bi ftehim li ntlaħaq". Dan sostnieh il-Prim Ministru Joseph Muscat, ftit qabel ġie ffirmat ftehim bejn il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC), il-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem.
Dan il-ftehim intlaħaq dwar il-liġi biex jiġu impjegati persuni b'diżabilità. Meta l-Gvern ħabbar dan xhur ilu, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem kienu esprimew riservi u b'hekk saru negozjati li wasslu għal dan il-ftehim.
Spikka l-intervent ta' Arthur Muscat mill-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem li waqt li rrikonoxxa li l-liġi kienet ilha hemm sa mill-1969 iddikjara li ma tantx kien hemm entużjażmu mill-gvernijiet biex tiġi implimentata. Qal li ma kienx hemm ukoll entużjażmu mis-sidien tal-postijiet tax-xogħol għall-implimentazzjoni ta' din il-liġi.
Minn naħa tiegħu l-Ministru Evarist Bartolo qal li permezz ta' din il-liġi il-pajjiż se jgħaddi mill-kultura tal-karità għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità. Iċ-Ċermen tal-ETC, Clyde Caruana iddikjara li 36 fil-mija tal-persuni b'diżabilità sabu xogħol fl-aħħar tliet snin. Qal ukoll li fis-sena 2015, b'kollox ġew impjegati ftit aktar minn 500 persuna b'diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li bil-ftehim il-Gvern qed juri l-impenn biex liġi ta' kważi ħamsin sena tiġi infurzata u l-persuni b'diżabilità jingħataw id-dritt ta' ħajja indipendenti.
F'dan il-ftehim qed jiġi rikonoxxut li hemm kumpaniji li ma jistgħux iħaddmu persuni b'diżabilità minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom u għalhekk il-ftehim se jipprovdi alternattivi għal dan.

Iċ-Ċermen tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità (KNPD), Oliver Scicluna meta mitlub jikkummenta dwar dan il-ftehim qalilna li "bażikament aħna rċevejnieh minn qabel u stajna narawh. Il-ftehim hu wieħed tajjeb. Il-problemi tekniċi li jsibu l-kumpaniji ġew riżolti u minħabba f'hekk issa se jkun hemm aktar armonija u kuaġġ biex jilqgħu l-persuni b'diżabilità fuq il-post tax-xogħol. Aħna se nkunu qed nagħtu l-kontribut fuq l-ewwel klawsola jiġifieri dik li ċertu data li se jitolbu lill-ħaddiema se tkun qed tingħata bil-permess tal-individwu. Li wasalna għal dan il-ftehim hu mument storiku." 
Mistoqsi dwar jekk jarawx li fl-aħħar tlett snin kien hemm żieda ta' persuni b'diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol, hu qalilna li "bla dubju li kien hemm żieda fil-persuni b'diżabilità li qed jaħdmu. L-infurzar tal-liġi għamel effett. Qabel il-liġi kienet fuq il-karta biss. Lill-Gvern ninżagħlu l-kappell għax beda jħaddem liġi li kienet ilha snin fuq l-ixkaffa. Forsi l-konsultazzjoni ġiet tard imma issa rridu nħarsu 'l quddiem."

Ritratt: Ian Noel Pace

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home