Aktar mistoqsijiet milli tweġibiet
Il-każ li kien ġie żvelat mill-ġurnal L-ORIZZONT dwar allegat swat minn bouncers fuq żagħżugħ f'Paceville għalxejn b'xejn, kellu żvolta fl-aħħar jiem u dan hekk kif kollox qed jindika li l-proċeduri biex finalment issir ġustizzja mexjin bil-mod wisq. Fuq dan il-każ qegħdin iqumu għadd ta' mistoqsijiet ġodda u dan hekk kif sar magħruf minn X Rays li saru fuq iż-żagħżugħ, li dan spiċċa bi mnieħru miksur. Il-każ ilu li seħħ erba' ġimgħat imma sa issa għadu ħadd ma tressaq il-Qorti. Il-ġurnal L-ORIZZONT irrapporta dwar kif hu nfurmat li ż-żagħżugħ ġie msejjaħ mill-Pulizija biex ikun jista' jidentifika lill-bouncers li sawtuh u filfatt dan sar.Biss mill-mod kif żvolġew l-affarijiet fl-aħħar jiem, qed iqumu diversi mistoqsijiet dwar dan il-każ fosthom kemm kien l-ammont ta' bouncers li kienu nvoluti fis-swat fuq dan iż-żagħżugħ u kemm ġew identifikati minnhom.
Mistoqsijiet oħra jirrigwardaw il-filmati ta' dak li seħħ, fosthom dawk ta' minn kemm kameras ġew elevati l-filmati. Mistoqsija oħra hi dik ta' jekk il-Pulizija għaddewx dawn il-filmati lit-taqsima tal-forensika biex jiġu analizzati dwar jekk hemmx partijiet neqsin minnhom.
Intant iż-żagħżugħ li qed jallega dan il-każ, baqa' jsostni mal-Pulizija li ġie msawwat għalxejn.
L-ORIZZONT kien żvela dan il-każ fl-aħħar ta' Marzu fejn żagħżugħ ta' kważi 19-il sena allegatament qala' xebgħa minn tlett bouncers. Iż-żagħżugħ kien allega li "kien nhar il-Ħadd fis-7.30 ta' filgħaxija meta jien kont ma' sħabi fi stabbiliment partikolari. Kollox kien normali u jien kont qed nitkellem meta f'daqqa waħda nara grupp ta' nies jersqu kollha lejn naħa. Nara ġlieda bejn bouncer u ħabib tiegħi. Ersaqt u wara li tefgħu lil sħabi l-barra, jien ħriġt barra. Jien ma ndħaltx fil-ġlieda. Il-bouncers bdew allegatament jagħmlu sinjali lil sħabi. Dak il-ħin jien kont nieżel l-isfel lejn it-taraġ. Kif dawwart wiċċi rajthom jiġġieldu. Demmi ma tanix. Bdejt ngħidilhom ma jiġġildux. Ġie bouncer u qalli inti se timbuttani. Lanqas tani ċans naħseb, għax allegatament tani daqqa ta' ponn".
Iż-żagħżugħ allega li "bid-daqqa ta' ponn spiċċajt mal-art. Ġew tnejn oħra allegatament ituni bis-sieq u bl-idejn. B'kollox kienu tlieta. Waqfu jtuni u kif rajt li mhux qed naqla' qomt minn mal-art. Wiċċi kien kollu demm. Qasmuli mnieħri u farrġuni. Qomt u mort fi stabbiliment ieħor naħsel wiċċi. Nies li ma nafhomx ġabuli tissues biex nimsaħ wiċċi."
Kompla jgħid li "wara mort il-poliklinika ta' Raħal il-Ġdid. Hemmhekk wassluni sħabi. Rani tabib u qalli li aktarx li għandi mnieħri miksur. Hu qalli li aħjar inmur l-emerġenza. Hemmhekk ratni tabiba u qaltli m'għandekx ksur u għandi nmur ġimgħa oħra."
Hu spjega li dwar dan l-allegat każ sar rapport fl-Għassa ta' Birżebbuġa. It-Tnejn wara nofsinhar sar kuntatt mill-Pulizija maż-żagħżugħ fejn staqsewh jekk jagħrafx lill-aggressuri, bir-risposta tkun fil-pożittiv.
Il-missier kien qalilna li "qed nistennew li ssir ġustizzja. La ma kienx involut fil-ġlieda ma nippretendix li jiġi msawwat. Allegatament kien hemm tlett bouncers ma' ġuvni ta' 19-il sena. Nistaqsi jien dawn x'inhu xogħlhom iwaqqfu l-ġlied jew isawwtu", temm jgħid il-missier.
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home