Tuesday, April 26, 2016

Il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jippjanaw żjara fir-Russja lejn l-aħħar tas-sena

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella, bl-għan li jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet bejn Malta u r-Russja qed jippjanaw żjara uffiċjali f'dan il-pajjiż lejn l-aħħar ta' din is-sena.  Din għandha tkun okkażjoni importanti biex jiġu diskussi temi bilaterali u multilaterali ta’ interess komuni, bħas-sitwazzjoni fil-Libja, il-Mediterran u l-Lvant Nofsani, l-Ukrajna, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa. Din il-laqgħa taħbat ukoll qabel il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Fi tweġiba Parlamentari l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella qal li l-Gvern Malti jżomm djalogu regolari fuq diversi livelli mal-Gvern Russu. Tenna li waqt li Malta timplimenta s-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea fuq il-Federazzjoni Russa, hemm livell ta’ kooperazzjoni tajba f’diversi oqsma ta’ interess komuni mhux milquta mis-sanzjonijiet. Ġew iffirmati l-Konvenzjoni dwar it-Taxxa Doppja u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, kif ukoll Protokoll għall-istess Konvenzjoni. Ġie fffirmat ftehim dwar il-ħlas pendenti min-naħa tal-Federazzjoni Russa għar-Repubblika ta’ Malta u ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa bejn il-Ministeru ghall-Enerġija u s-Saħħa tar-Repubblika ta’ Malta u l-Ministeru tas-Saħħa tal-Federazzjoni Russa. 
Il-Ministru Vella kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari li saret mid-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
 minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home