Monday, April 25, 2016

500 familja ‘arrestati f’darhom’ fil-Baħrija - Antoine Borg

Id-devjazzjoni tat-traffiku biex wieħed jidħol u joħroġ mill-Baħrija, liema devjazzjoni qed isseħħ minħabba xogħlijiet biex il-Baħrija tingħaqad mas-sistema tad-drenaġġ fir-Rabat, ġiet trattata fl-aġġornament tal-Parlament illejla mid-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg. Hu ddeskriva lin-nies tal-Baħrija bħala li huma arrestati fil-Baħrija, għax sar inkonvenjent kbir biex dawn jidħlu u joħorġu minn dan il-lokal. Spjega li kien hemm każ fejn ambulanza ma setgħetx tidħol fil-Baħrija għax ma setgħetx taqbad art tad-devjazzjonijiet tat-traffiku.
Antoine Borg qal li, “Dan hu proġett tajjeb u hemm bżonn u messu sar qabel. Proġett bħal dan jinvolvi ħafna xogħol u dan joħloq inkonvenjent. Biss dan minn inkonvenjent iddiġenera f’sitwazzjoni impossibbli biex tidħol jew toħroġ mill-Baħrija. Hemm inkonvenjent esaġerat li hu frott ta’ nuqqas ta’ kordinazzjoni, ippjanar u komunikazzjoni.”
Qal li minn dan qed ibatu n-negozji fil-Baħrija u negozji fir-Rabat li għandhom klijentela mill-Baħrija. “Naf stejjer ta’ nies li kellhom bżonn ambulanza iżda dawn ma setgħux jaqbdu art ta’ kif se jaslu l-Baħrija minħabba d-devjazzjonijiet kawża tax-xogħlijiet. Kellhom joħorġu qraba biex jiltaqgħu ma’ tal-ambulanza u juruhom it-triq.”
Hu spjega li issa n-nies tal-Baħrija qed jispiċċaw imorru l-Imġarr biex joħorġu mill-Baħrija u dan qed iwassal għal traffiku kbir fit-triq ewlenija tal-Imġarr. Oħrajn qed jgħaddu minn triq li hi ħażina ħafna fl-Imtaħleb. Qal li jaf b’każijiet fejn nies telqu mill-Baħrija fit-8.00 ta’ filgħodu u waslu fl-inħawi tal-Gżira siegħa u nofs wara. Qal li issa qed jinstema’ li din it-triq mhix se titlesta sat-8 ta’ Ġunju iżda fl-aħħar ta’ Ġunju. Qal li n-nies ċemplu lil Transport Malta dwar id-devjazzjonijiet u dawn qalulhom li mhux huma responsabbli imma l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home