Indirizzati l-abbużi rampanti fil-kafetterija tal-Gozo Channel... ir-riżultat kien €400,000 qligħ
Waqt li l-abbużi deskritti bħala rampanti fil-kafetteriji abbord il-bastimenti tal-Gozo Channel ġew indirizzati, ir-riżultat kien li sar qligħ ta’ €400,000. Dan irriżulta minn tagħrif Parlamentari mogħti mill-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Ettienne Grech.Il-Ministru Refalo qal li, “Is-sena 2015 kienet sena oħra ta’ ħidma ntensiva sabiex filwaqt li tipprovdi servizz ta’ eċċellenza f’dak li huwa l-ġarr ta’ passiġġieri, vetturi u merkanzija bejn iż-żewġ gżejjer, il-Gozo Channel tiżgura li topera bi profitt.
Matul is-sena 2015, il-kumpanija esperjenzat żidiet sostanzjali f’dawk li huma passiġġieri u vetturi li qasmu bejn iż-żewġ gzejjer. Il-passiġġieri żdiedu b’iktar minn 2% fuq is-sena ta qabel, biex b’hekk qabzu l-4.7 miljun passiġġier filwaqt li l-vetturi żdiedu b’iktar minn 5.3% u cioè żieda ta’ madwar 70,000 vettura fuq is-sena 2014. Dan ifisser żieda ta’ aktar min 700,000 passiġġier fuq is-sena 2012.”
Qal ukoll li, “Il-Gozo Channel ħadmet bla heda sabiex setgħet topera kemm il-vjaġġi bl-iskeda kif ukoll ammont sostanzjali ta’ vjaġġi extra. Dan speċjalment f’mumenti ta’ ħtieġa partikolari fejn id-domanda kienet waħda kbira u fejn l-Gozo Channel ħadmet bil-flotta kollha tagħha sabiex toffri l-aqwa servizz possibbli. Fl-2015, il-Gozo Channel għażlet li tbiddel totalment il-kunċett tal-iskeda tagħha fejn introduċiet biss żewġ skedi: waħda tas-sajf u l-oħra tax-xitwa. B’hekk il-kumpanija żiedet b’ammont sostanzjali n-numru ta’ vjaġġi bl-iskeda fejn in-numru ta’ vjaġġi f’2015 kien ta’ 20,824, żieda ta’ 1,482 fuq is-sena 2012.”
Il-Ministru kompla jgħid li, “Fil-qasam kummerċjali, il-kumpanija wkoll għamlet passi kbar ’il quddiem. Wara l-ħidma kbira li saret fil-kafeterija fejn tnaqqsu l-abbuzi li kienu rampanti fl-amministrazzjoni preċendenti, l-kafeterija abbord il-vapuri ħalliet profitt nett ta’ aktar minn €400,000, jiġifieri d-doppju tal-qligħ illi l-kumpanija għamlet mil-istess kafeterija fl-2012 meta Tonio Fenech kien Ministru.
Dan kollu wassal lill-kumpanija sabiex fl-2015 tirreġistra profit ta’ aktar minn €1 miljun, u dan wara s-sena diżastruża tal-2012 li kienet timmarka l-aħħar sena ta’ amministrazzjoni preċedenti fejn il-kumpanija kienet tilfet ’l fuq minn €1.6 miljuni.”
Il-Ministru qal li, “Ta’ min isemmi wkoll illi matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena (2016), il-Kumpanija diġà għamlet 570 vjaġġ aktar mill-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra, u bħala passiġġieri qbiżna l-miljun passiġġier. Dan ifisser illi kien hemm żieda fil-ġarr tal-passiġġieri ta’ aktar minn 20% fuq l-ewwel tliet xhur tal-2015.”
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home