Monday, April 25, 2016


Ittriplaw il-każijiet ta’ tfal li ttieħdu barra minn Malta minn missierhom

Matul is-sena 2015 ittriplaw il-każijiet ta’ tfal li kienu jgħixu Malta u li ttieħdu minn missierhom barra minn Malta biex finalment l-omm ma kellhiex triq oħra għajr li titlob l-għajnuna tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Waqt li fis-sena 2014 kien hemm każ wieħed biss fejn intalbet l-għajnuna, fis-sena 2015 dawn telgħu għal tliet każi.
Ittriplaw ukoll il-każijiet ta’ Maltin li kienu arrestati barra minn Malta u minn ħames każijiet fis-sena 2014, dawn telgħu għal 18-il każ is-sena li għaddiet.
Il-Ministru George Vella, f’informazzjon li ta fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, qal li matul is-sena 2014 u 2015 kien hemm 72 każ konsolari li fihom il-Ministeru ntalab jew ta l-għajnuna tiegħu lil ċittadini Maltin.
Fis-sena 2014 kien hemm 20 każ, fosthom ħames każijiet ta’ arresti barra minn Malta li kollha nħelsu u ntbagħtu lura Malta; ħames każijiet ta’ għajnuna lil Maltin li tilfu d-dokument tal-ivvjaġġar; tliet każijiet ta’ mwiet barra minn Malta; tliet każijiet ta’ ripatrijazzjoni; tliet każijiet ta’ għajnuna medika u każ ta’ tifel li nħataf.
Fis-sena 2015 kien hemm 52 każ u dawn kienu jikkonsisti fi 18-il każ ta’ arresti ta’ Maltin barra minn Malta, fejn f’żewġ każijiet iċ-ċittadini Maltin inżammu fil-pajjiż konċernat u sittax inħelsu. Kien hemm 16-il każ ta’ Maltin li ġew megħejuna biex jiġu evakwati minn żoni milqutin minn diżastri naturali, seba’ każi ta’ għajnuna lil Maltin li tilfu d-dokument tal-ivvjaġġar, 4 każijiet ta’ imwiet barra minn Malta, tliet każijiet ta’ Maltinli ġew ripatrijati, każ ta’ Malti li kellu bżonn għajnuna medika u tliet każijiet ta’ għajnuna lil nisa Maltin li wliedhom ittieħdu minn missierhom f’pajjiż barrani.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home