Il-kaċċa illegali naqset b'erba' darbiet…esperjenzi ta' osservaturi jikkonfermaw dan
Fl-aħħar jiem kien hawn f'pajjiżna żewġ tajriet rari msejħin Pitarri. Dehru lejn l-inħawi ta' Dellimara u damu hawn madwar 24 siegħa. Komplew triqithom bla xkiel. Dan flimkien ma' qatgħa Kwakk, Kuċċard, Bagħdan, Isqra u Rsieset. Kollha għasafar protetti li passes minn fuq pajjiżna. B'xejn inqas minn 10,000 kaċċatur fil-kampanja Maltija biex igawdu d-dritt tagħhom għall-kaċċa tal-gamiema u s-summiena, dan it-tajr baqa' għaddej fi triqtu. Mhux hekk biss, iżda kienu diversi dawk il-kaċċaturi li ġibdu ritratti u filmati ta' dan it-tajr waqt li kompla l-passa tiegħu. Ħafna osservaturi tal-passa fir-rebbiegħa ukoll qegħdin jikkummentaw dwar tnaqqis drastiku fil-kaċċa illegali. Dan jikkontrasta bil-kbir ma' dak li qalet Birdlife Malta, li ftit ilu talbet li l-Gvern iwaqqaf l-istaġun. F'pajjiżna ġie ukoll il-Brittaniku Chris Packham, li ma naqasx li jitfa' ritratti xi drabi mill-arkivji (fi kliemu stess) ta' tajr protett mejjet.Intant il-Kap tal-Wild Birds Regulation Unit, Sergei Golovkin f'intervista li ta lil 'Field Sport' qal li minn studju li saru jirriżulta li fl-aħħar tlett snin il-kaċċa illegali naqset b'erba' darbiet. Fl-intervista tiegħu, Sergei Golovkin saħaq li s-sena li għaddiet l-istatus tal-gamiema ġie riklassifikat u spjega li l-unit ħa dan inkonsiderazzjoni tant li f'din ir-rebbiegħa l-istaġun tal-kaċċa ġie regolat aktar. Dan billi minn tlett ġimgħat tnaqqas għal ġimgħatejn u tnaqqset il-kwota ta' qbid minn 11,000 gamiema għal 5,000 gamiema.
Waqt li persuni bħal Packham qed jagħmlu pressjoni fuq il-kaċċa tal-gamiema, Sergei Golovkin jirrimarka li hemm xejn inqas minn 10 pajjiżi Ewropej li fihom tista' ssir kaċċa għall-gamiema. Qal li f'pajjiżi Ewropej hu kkalkulat li jinqatlu mat-3 miljun gamiema, waqt li f'Malta hu permessibbli li jinqabdu 5,000 gamiema fir-Rebbiegħa u 11,000 gamiema fil-Ħarifa.
Tkellem dwar it-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-gamiema, u qal li hu fatt pruvat xjentifikament li l-gamiem li jpassi minn fuq Malta ma jibqax sejjer lejn ir-Renju Unit. Hu qal li l-popolazzjoni tal-gamiema qed tonqos minħabba prattiċi fl-agrikoltura fosthom l-użu tal-pestiċidi u anke minħabba mard u viruses.
Sergei Golovkin qal li l-ammont ta' gamiem u summien li hu permessibbli jinqabad f'Malta hu ammont sostenibbli u li ġie stabbilit bi studji li saru u li ġew aċċettati mill-Kummissjoni Ewropea. Hu qal li l-ammont ta' gamiem li jinqabad f'Malta hu insinifikanti għall-popolazzjoni ta' dawn l-għasafar. Spjega li Malta qed twettaq superviżjoni stretta ħafna, fejn anke qed jintużaw id-drones u qal li hu viżibbli minn kulħadd li l-kaċċa illegali naqset. Hu jispjega li minn studji li saru fi tlett snin, il-kaċċa illegali naqset b'erba' darbiet.
Jenfasizza li t-triq il-quddiem hi dik li għaqdiet bħal Birdlife u l-kaċċaturi jaħdmu flimkien u joqogħdu jikkumbattu lil xulxin.
Birdlife jiktbu lill-Prim Ministru
Intant Birdlife Malta kitbet lill-Prim Ministru Joseph Muscat u fiha ġibdet l-attenzjoni għal dak li hi sejħet ineżattezzi li ntqalu mill-Kap tal-Wild Birds Regulation Unit, Sergei Golovkin. Birdlife qalet li "fil-laqgħa tal-Kumitat Ornis tal-25 ta' Frar, ivvutat kontra l-futħ ta' staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Kif jiġri f'dawn il-każi il-vot tagħna kien l-unika wieħed kontra. Minn naħa l-oħra aħna vvutajna favur li l-gvern Malti jieħu miżuri ta' konservazzjoni favur il-gamiema.
Birdlife Malta fl-ebda stadju ma kienet involuta fil-konsiderazzjoni ta' x'miżuri għandhom jittieħdu biex jiġu mfasslin l-kundizzjonijiet tal-istaġun tal-kaċċa, partikolarment il-kwota tal-gamiema. Għall-kuntrarju ta' dan, il-konsultazzjoni saret biss mal-għaqdiet tal-kaċċaturi." Birdlife irreferiet għal dokumenti li nħarġu mill-Wild Birds Regulation Unit u anke studju u qalet li l-ebda rapport minnhom ma juri li hemm bażi xjentifika li tiġġustifika il-qtil ta' 5,000 gamiema f'din ir-rebbiegħa. Birdlife Malta se tkompli tikkontesta biex il-Wild Birds Regulation Unit tippreżenta l-argumetn xjetifiku favur il-kwota jekk dan jeżisti. Fl-assenza ta' dan, Birdlife Malta se tkompli tikkonferma li dan il-unit jaġixxi biss b'aġenda favur il-kaċċa anke għas-skapitu li jagħti pariri ħżiena lill-Gvern." Huma talbu lill-Prim Ministru biex jieħu pożizzjoni aktar b'saħħitha favur il-konservazzjoni tal-gamiema.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home