93% tal-ħut fil-Mediterran vittmi ta' sajd żejjed
Sbatax-il speċi ta' ħut li nsibuh fil-baħar Mediterran, u li jinqabad regolarment mis-sajjieda Maltin, ġew dikjarati bħala li qed isofru minn sajd żejjed jew inkella l-istat tal-popolazzjoni tagħhom għadu mhux magħruf. L-unika ħuta minn 18-il speċi li ssemmew bħala li għandhom popolazzjoni bi status dikjarat bħala 'sostenibbli' hija t-tonn.
Mill-bqija, il-Gamblu Aħmar, il-Gamblu Aħmar Kbir, l-Inċova, il-Merluzz, it-Trill, l-Awwista, il-Gamblu Roża tal-Fond u l-Pixxispad huma l-ispeċi li ġew dikjarati vittmi ta' sajd żejjed. Il-ħut l-ieħor li l-popolazzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa huma l-Lampuka, l-Ispnotta, iċ-Ċerna, il-Qarnita, il-Paġella Ħamra, il-Kavalli, is-Siċċa, l-Awrata u l-Bivalvi Venus.
Ġie stabbilit ukoll li 93 fil-mija tal-ħut fil-Mediterran qed ibati minn sajd żejjed. Bl-għan li tinbidel din ix-xejra fejn il-popolazzjoni ta' ħafna speċi ta' ħut qed tonqos, il-Kummissjoni Ewropea nediet strateġija għall-Baħar Mediterran li l-għan tagħha hu li ttejjeb l-istat li tinsab fiha l-popolazzjoni ta' ħafna speċi ta' ħut fil-Mediterran.
Apparti li tnediet l-istrateġija, inbeda wkoll djalogu ma' Ministri ta' pajjiżi Ewropej u ta' pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea. L-istrateġija tnediet waqt is-Seafood Expo Global. Issemma li t-tnaqqis fil-popolazzjoni ta' għadd ta' speċi qed isseħħ minħabba diversi fatturi fosthom sajd żejjed, tniġġis u bidla fil-klima.
It-tema tal-kampanja li tnediet hi MedFish4ever. Il-World Wildlife Fund (WWF), waqt li ddeskrivew is-sitwazzjoni bħala 'kriżi fil-popolazzjoni tal-ħut fil-Mediterran', laqgħu t-tnedija tal-istrateġija u ddeskrivewha bħala 'sinjal inkoraġġanti'.
Genevieve Pons, Direttur ta' WWF għall-Politika Ewropea, qalet li, "Issa rridu li l-Istati membri fir-reġjun mhux biss jaraw li din l-istrateġija tkun implimentata imma jaraw li jkun hemm infurzar aħjar."
Ġie spjegat li dak li hemm f'riskju hu total ta' kummerċ marbut mas-sajd li jlaħħaq għal $27 biljun u xejn inqas minn 250,000 impjieg dirett flimkien ma' eluf ta' impjiegi oħra indiretti. WWF ma waqfitx hemm u pproponiet li jittieħdu tliet miżuri b'mod immedjat.
Dawn huma li jkun hemm miżuri fosthom l-ammont ta' ġranet li fihom jista' jsir is-sajd u anke ammont limitat ta' dgħajjes tas-sajd għal kull ġurnata; limiti fuq qbid; u żmien li fih ma jistax isir sajd. WWF enfasizzat il-bżonn li l-ħut jingħata ċans ibid. Hija esprimiet it-tħassib dwar l-istat tal-Pixxispad, li qed jonqos b'rata mgħaġġla.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home