Monday, May 16, 2016

Ħallsu kważi €40,000 biex jadottaw tarbija u baqgħu b'xejn

“Naf koppja li għaddejja minn martirju. Dan għax kienu mwegħdin minn aġenzija li se jadottaw tarbija. Ħallsu b'kollox bejn €30,000 u €40,000 u għadhom b'idejhom vojta. Issa l-awtorità responsabbli qatgħetha li din l-aġenzija mhix tilħaq l-istandards.” Dan sostnieh id-Deputat Laburista Franco Mercieca, waqt li llejla fil-Parlament għaddejja d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta' liġi dwar l-Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien.
L-abbozz jgħid li bit-twaqqif tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien, il-Gvern għandu jmexxi ’l quddiem u jiżviluppa ir-regolamentazzjoni tal-ħarsien, wens soċjali u servizzi mogħtija f’Malta minn entitajiet pubbliċi u privati u jirregola l-imġiba ta’ care workers fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Il-Gvern għandu jiddetermina l-politika u l-objettivi ta’ Malta fir-regolamentazzjoni tal-ħarsien, wens u servizzi soċjali mogħtija minn entitajiet pubbliċi u privati.
Permezz tal-Awtorità, il-Gvern għandu jaħdem biex jiżviluppa standards regolatorji għall-kura, wens u servizzi soċjali mogħtija lil kull min jinħtieġ il-ħarsien u l-wens, liema standards għandhom ikunu meħieġa, konsistenti, orjentati lejn il-konsumatur, effettivi u propozjjonati. Għandu jfassal standards għal care workers li jaħdmu mamin jinħtieġ il-ħarsien u l-wens, jgħin lill-fornituri ta’ servizz jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom sabiex jipprovdu kwalità għolja ta’ servizz.
"Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed nagħmlu passi ta' ġgant fejn jirrigwarda t-tfal"
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, fid-diskors tal-għeluq tad-dibattitu qal li, "Dan l-abbozz ta' liġi hu preludju għal abbozz ta' liġi ieħor li se jitressaq u dan hu l-liġi
dwar it-tfal. Għal snin twal ma aġġornajniex il-liġijiet dwar it-tfal. Se nkunu qegħdin fil-ġimgħat li ġejjin nagħmlu passi ta' ġgant f'dan is-settur u dan għax qegħdin lura meta mqabblin ma' pajjiżi oħrajn. Qegħdin lura f'dak li għandu x'jaqsam ma' għajnuna sħiħa lill-familja. Se nkunu qed nitkellmu fuq trobbija pożittiva."
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home