'Brodu u minestra u l-Ħadd ravjul'... l-ikel fi żmien il-gwerra għal Karmena ta' 100 sena
"Ħej. Hu min hu ħa nkellmu, nieħu pjaċir.” Dan kien l-ewwel kliem li lissnet Karmena Vella mill-Qala, li għadha kif għalqet mitt sena, hekk kif għamilna kuntatt mal-qraba tagħha fid-dar tagħhom fil-Qala. Karmena tiġi mill-ewwel u tibda tpaċpaċ fuq it-telefown, u tirrispondi għal kulma tistaqsiha. Ma tistax ma tinnutax il-frażi “niżżu ħajr 'l Alla”, li tirrepetiha ta' spiss b'mod partikolari meta tkellimha fuq żminijiet diffiċli li għaddiet minnhom, fosthom fit-Tieni Gwerra Dinjija."Kollox niftakar ta' żmien il-gwerra. Kien żmien iebes imma niżżu ħajr 'l Alla għadda," tgħid Karmena. Nistaqsuha fuq l-ikel u jekk dan kienx skars u hi tgħidilna li, “Ommi dejjem kienet tieħu ħsieb hi għall-ikel. Ommi kienet issajjar brodu u minestra. Il-Ħadd l-ikla kienet tkun ravjul. Dejjem kilna, niżżu ħajr 'l Alla. Missieri kien ikabbar ħafna prodotti, bħall-pastard u l-kaboċċi, u dejjem kien ikollna x'nieklu,” tgħid Karmena, li fit-Tieni Gwerra Dinjija kienet iżżewġet u kienet diġà omm.
Wara li waħda minn uliedha qaltilna li ommh rikbet l-ewwel darba l-ajruplan meta kellha 90 sena, lil Karmena staqsejtha fuq dan u mill-ewwel fetħitilha. "Mort l-Awstralja, Melbourne, meta kelli 90 sena. Mort b'sorpriża. Morna mal-Kappillan għal tliet ġimgħat. Lit-tfal lanqas għedtilhom li kont sejra, għalhekk sorpriża. Waħda mit-tfal ma kinitx taf li jien se nkun hemm u ħassha ħażin fl-ajruport. Iddispjaċieni naqra, imma kienet sorpriża. Kont żort lill-erbat itfal tiegħi hux,” qaltli Karmena. Tieqaf għal ftit mid-diskursata u tgħidli li, “Issa għandna xi nies mill-Awstralja li ġew hawn u qed ingawduhom. Dejjem niżżu ħajr 'l Alla.”
Żiedet tgħid li meta kellha 95 sena reġgħet marret l-Awstralja u "jekk ikolli nerġa' mmur, mhu se niddejjaq xejn.” Fl-isfond nisimgħu lil waħda mit-tfal tgħid li "għandha ħafna kuraġġ".
Imma Karmena kif tgħaddi l-ġurnata? "Jien hawn, naħsel. U naħsel aħjar minn dawn għax inħaffef. Nagħmel is-sapun u mmexxi,” tgħidilna bid-daħka, waqt li tirrimarka li wliedha għandhom affarijiet oħra x'jagħmlu.
Dwar l-ikel Karmena tgħid li, "Jien niekol kollox, kulma jtuni. Ngħidilhom tagħmlulix ħafna.”
Nawgurawlha u ngħidulha li se nħalluha fil-paċi, iżda Karmena ma tantx taqta t-telefown malajr. “Ħadt gost nitkellem miegħek! Meta trid ċempel. Tkun Għawdex u tkun trid tgħaddi tiddejjaq xejn,” qalet waqt li tatni l-indirizz tad-dar. "Jien inħobb lil kulħadd. Qatt ma ġġilidt ma' ħadd,” stqarret ix-xwejħa.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home