Monday, May 30, 2016

Il-Patrijotti jkomplu jiġbru l-firem... ġurnalist tal-Union Print mgħajjar pulċinell

16:33: Fil-laqgħa pubblika li kellhom l-Għaqda Patrijotta Maltin f'Buġibba dalgħodu, spikka d-diskors ta' wieħed mill-membri, Norman Scicluna, fejn semma l-ġurnalista tal-Union Print Victor Vella u xi kliem fil-konfront tiegħu li huwa pulċinell. Meta staqsejna lil Scicluna dwar x'inhuma l-allegazzjonijiet fuq il-ġurnalist Vella, u għalfejn intqal li huwa pulċinell, min-naħa tiegħu wieġeb li mhux hu kien li qal il-kelma pulċinell fil-konfront ta' Vella, iżda n-nies li kien hemm preżenti, iżda hu qalilhom "għandkom raġun issejħulu hekk".
Scicluna qal li l-Għaqda Patrijotta semmiet lill-ġurnalist b'ismu fil-pubbliku għax Vella qed jattakka lill-President tal-għaqda u anke ħareġ jattakka l-għaqda u saħansitra, skontu, qabeż għal-Libjani li qatlu lill-istudent Kolumbjan f'Paceville.
Mill-banda l-oħra Norman Scicluna sostna li hu m'għandu xejn kontra Victor Vella għax kulħadd għandu opinjoni. Però saħaq li jekk Vella ffissat fuq l-immigranti u joqgħod jiċċekja l-passi kollha ta' x'qiegħda tagħmel l-għaqda, allura Vella stess għandu aġenda kontra l-għaqda.
Scicluna saħaq li jirrispetta l-Victor Vella bħala ġurnalist, iżda jekk ġurnalist ikun qed jagħmel xi ħaġa konta l-għaqda, allura ma jistgħux jirringrazzjawh.
L-għaqda mhux ħa tieqaf qabel l-aħħar immigrant illegali jħalli xtutna
Il-kelliem tal-Għaqda Patrijotti Maltin Simon Borg qal li l-għaqda mhux ħa tieqaf qabel l-aħħar emigrant illegali jħalli xtutna, għax Malta tibqa tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Simon Borg qal li sakemm jibqgħu mingħajr tweġiba, l-uniku valur miżjud li qed iġibu dawn in-nies fl-oqsma tat-turiżmu u l-oqsma l-oħra tax-xogħol f'pajjiżna huma biss il-pagi baxxi u l-kundizzjonijiet miżeri tal-ħaddiem Malti.
Semma li l-Maltin għandhom 45% inqas f'pagi mill-Ewropej u saħaq li dan l-influss ta' ħaddiema li qed iġibulna f'pajjiżna qed iżomm lil min iħaddem li jtejjeb il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema Maltin. Kompla jgħid li l-influss ta' ħaddiema barranin qed jolqot bis-serjetà lill-ħaddiema Maltin kollha.
F'pajjiżna għandna 100,000 elf ruħ fil-faqar u n-nies fil-faqar qed ikomplu jiżdiedu għax in-nies fil-faqar qed ikollhom jikkompetu mal-barrani speċjalment fil-prezz għoli tal-kirja tal-postijiet fejn tgħix. Qal li min jaħdem bil-paga minima ma jistax jikri post fejn joqgħod għax il-kera għoliet għall-Maltin, għax min qed jikri qed iħossu komdu jikri bi prezz għoli għall-barranin għax dawn qed jikru l-postijiet fi gruppi.
Simon Borg staqsa jekk it-talb li qed isir mill-Musulmani hux qed isir bil-permess, u jekk le, għalfejn ħadd ma jwaqqafhom. Staqsa jekk il-binja tal-Furjana li ngħatat lill-Komunità Musulmana hux qiegħda tagħti kontribuzzjoni lill-Gvern u min qieħed iħallas għall-binja bħad-dawl u l-ilma u l-manutenzjoni tagħha. Borg staqsa kemm qiegħda tiswa l-binja tal-Furjana lil Gvern.
Simon Borg staqsa wkoll jekk il-binja ngħatatx għal perjodu qasir jew hux għal dejjem. Saħaq li dik hija binja tal-poplu Mali u ħadd ma jista' jqassam binjiet tal-poplu mingħajr konsultazzjoni. Qal li dawn il-mistoqsijiet qed jagħmilhom f'isem 30,000 elf firma u għalhekk qed jistenna risposta xierqa mill-awtoritajiet.
L-immigranti illegali m'għandomx ikollhom id-dritt tal-vot u tal-housing
Sadanittant is-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Patrijotti Maltin, Henry Battistino qal li l-Patrijotti qegħdin jiġbru l-firem kontra l-intregrazzjoni sfurzata li qed issir u qed jgħidu li dawk kollha li daħlu illegalment fil-pajjiż m'għandomx isiru ċittadini Maltin li jkollhom dritt għall-housing, dritt għall-vot u jġibu lil familja kollha tiegħu jgħixu hawn.
Qal li bħala pajjiż ma nifilħux għal dan l-influss ta' nies li ġew minn barra minn Malta ul-problema qed tinħass kemm fl-isptarijiet u anke fit-trasport pubbliku.
Mistoqsi jekk humiex kontra l-immigranti illegali biss jew kontra wkoll il-barranin kollha li hawn Malta bħal Serbi, Rumeni, Bulgari u Russi, Battistino wieġeb li l-għaqda hija kontra kull tip ta' barranin u mhux kontra xi kulur jew reliġjon.
Hu qal li ma rridux li dawn il-barranin jibqgħu hawn biex iżommu l-pagi baxxi tal-Maltin. Semma li l-Malti mhux vera li ma jridx jaħdem, għax il-Malti anke fid-deżert ħadem, iżda trid togħla l-paga għall-Maltin.
Semma l-problemi ta' kriminalità bħall-inċidenti li kien hawn dan l-aħħar, speċjalment il-qtil tal-istudent Kolombjan.
Qal li għalkemm mhux deħlin bid-dgħajjes, dawn xorta diħlin bil-baħar u bl-ajru.
Aktar qabel: Il-Patrijotti Maltin dalgħodu f'Buġibba komplew jiġbru l-firem fil-petizzjoni kontra dik li qed isejħu “integrazzjoni sfurzata”.
Il-ġbir tal-firem sar waqt attività msejħa “corner meeting” li għaliha attendew ftit għexieren ta' nies u li matulha l-ġurnalist tal-Union Print, Victor Vella, ġie mgħajjar pulċinell minn uħud minn dawk preżenti meta saret referenza għalih minn wieħed mill-kelliema li indirizzaw lill-miġemgħa.
Rapport b'aktar dettalji nxandruh fil-ħin li ġej.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home