Friday, May 20, 2016

L-iskema taċ-ċittadinanza b'investiment bi €38 miljun f'kiri u xiri ta' proprjetà

"Sat-18 ta Marzu 2016 Identity Malta rċeviet 1,128 applikazzjoni għal residenza, li minnhom kien hemm 610 applikazzjonijiet li komplew għaċ-ċittadinanza. Identity Malta tgħaddi lir-Regolatur informazzjoni dwar dawn l-applikazzjonijiet skont kif trid il-liġi. Ir-Regolatur huwa mbagħad obbligat jippubblika rapport dwar l-operat ta' Identity Malta, għal darb' oħra skont kif trid il-liġi.” Dan sostnieh il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, meta fil-Parlament kien mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech dwar l-iskema ta' ċittadinanza b'investiment.
Fi tweġiba oħra, il-Ministru Bonnici qal li, "Sat-30 t’April 2016 kien hemm 143 applikant li lestew il-proċess kollu b’suċċess. Minn dawn kien hemm 116-il applikant illi krew proprjetà b’investiment totali ta’ €12,245,835.88 fuq perjodu ta’ ħames snin, filwaqt illi kien hemm 27 applikant li xtraw proprjetà b’investiment totali ta’ €25,475,744.41. Dan kollu jawgura tajjeb għal iktar tkabbir tal-ekonomija Maltija,” qal il-Ministru Bonnici.
Hu qal ukoll li, "Minn meta beda l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment sat-30 t’April 2016, kien hemm 68 għotja illi ngħatat lil għaqdiet filantropiċi/NGOs jew organizzazzjonijiet simili, b’total globali ta’ €791,900. Dawn huma għotjiet li l-Aġenzija Identity Malta ġiet informata dwarhom. Mhuwiex eskluż li kien hemm għotjiet oħra li saru u l-Aġenzija ma ġietx informata dwarhom."
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home