Reazzjonijiet imħalltin għar-reshuffle
Wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat wettaq tibdil fil-Kabinett, liema tibdil wassal biex fost oħrajn il-Ministru Konrad Mizzi ma jibqax Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa imma jkun Ministru bla Portafoll, ir-reazzjonijiet kienu mħalltin.
Dawk fuq in-naħa Laburista argumentaw li l-Prim Ministru ddeċieda u li issa l-pajjiż iħares 'l quddiem, waqt li dawk fuq in-naħa Nazzjonalista kif mistenni kkritikaw bl-aħrax dan it-tibdil. Diversi esponenti u osservaturi kkummentaw b'modi diversi b'xi wħud jaqblu ma' dak li sar u oħrajn iħossu li ma sarx biżżejjed.
L-osservatur politiku Godfrey Grima ddeskriva d-deċiżjoni tal-Prim Ministru bħala l-aħjar li seta' jagħmel fiċ-ċirkostanzi biex iżomm il-grupp magħqud. L-avukat Andy Ellul iddeskriva r-reshuffle bħala deċiżjoni qawwija mill-Prim Ministru li l-pajjiż kellu bżonnha. Il-Kap tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, fi tweet li għamel qal li, "Fis-Swieqi aħna nirriċiklaw il-materjal organiku nhar ta' Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa. Il-Prim Ministru wettaq ir-riċiklaġġ tiegħu l-Ħamis." Kien hemm ukoll tweet mill-eks Sindku Nazzjonalista tas-Siġġiewi, il-Perit Robert Musumeci, li qal li, "Dan il-Gvern għandu bżonn lil Konrad Mizzi."
Bżonn urġenti li jiddaħħlu liġijiet kontra kull min jipprova jevita t-taxxa - Erica Schembri mill-Graffitti
Erica Schembri f'isem il-Graffitti meta mitluba tagħti r-reazzjoni qalet li, "Dan ir-reshuffle huwa l-mod tal-gvern kif jipprova jitfa' l-bżar f'għajnejn in-nies. Mhux talli reġa' daħħal nies li tilfu l-kredibilità tagħhom bħal Manuel Mallia, imma talli reġa' tenna l-fiduċja li għandu f'Keith Schembri u ħalla lil Konrad Mizzi bħala ministru mingħajr l-ebda tip ta' konsegwenza. Meta tixtarr dak li qal il-Prim Ministru, malajr tinduna li għalkemm Mizzi m'għadx għandu ministeri, b'mod inuffċċjali xorta se jkun qed imexxi. Joseph Muscat qalha ċara u tonda li xorta se jkun qed jieħu ħsieb proġetti bħall-implementazzjoni ta' proġetti fuq l-enerġija. Din tqajjem ħafna mistoqsijiet fuq l-etika u r-responsabbiltà tal-politikanti tagħna u d-diskrepanza li teżisti bejn il-klassi tal-elite li jiġu premjati meta jaġixxu b'mod skorrett u ċ-ċittadini li jħallsu għall-inqas ħaġa li jagħmlu, anki jekk tkun trivjali. Din hi wirja ċara tal-bżonn urġenti li jiddaħħlu liġijiet kontra kull min jipprova jevita jew jevadi t-taxxa," qalet Erica Schembri.
Reshuffle ġusta u għaqlija - l-eks Ministru Laburista Joe Grima
L-eks Ministru Laburista Joe Grima jikkummenta dwar din ir-reshuffle fis-sit soċjali tiegħu u jgħid li, "Reshuffle li ilha mistennija. Iċ-ċaqlieqa ta Konrad Mizzi għall-Ministru mingħajr portafoll, għalija hija kemm ġusta daqs kemm hi għaqlija. Konrad hallas il-prezz tal-inesperjenza politika meta ċċappas ma' affarijiet li bħala politiku kellu jżomm il-bogħod minnhom. Imma l-gvern u l-pajjiż se jibqa' jgawdi s-servizzi tiegħu, li taw lil pajjiżna riżultati sinifikanti. Taħt iċ-ċirkostanzi ma setax iżomm postu bħala Deputat Mexxej."
Joe Grima jgħid li, "Ritorn ta Manwel Mallia huwa wkoll att dovut u ġust. Manwel ukoll ħallas il-prezz tal-inesperjenza fil-politika, imma personalment ma kien ħati ta xejn. Żgur li dak li għadda minnu għandu jagħtih ġudizzju politiku aktar raffinat fl-għażla tan-nies li jiċċirkondawh."
Jgħid li, "Il-pożizzjoni li ġie offrut Leo Brincat fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri hi plawsibbli u fil-fehma tiegħi meritata. Leo ġej mis-settur bankarju u żgur mhux ġdid għal dan ix-xogħol. Huwa bniedem nadif u qatt ma kien involut f'xi skandlu li jista' jibqa' jiġri warajh. Għandu ċans kbir li jgħaddi."
Dwar il-ħatra ta' Jose Herrera bħala Ministru, Joe Grima kiteb li, "Jose huwa bniedem intelliġenti u rispettat ħafna. Meta ma ġiex maħtur Ministru fil-Kabinett oriġinali, nħasset bħala daqqa ta' ħarta lill-bniedem li huwa kkunsidrat bħala validissimu u kapaċi għall Ministeru tal-Ġustizzja. Dik l-aspettattiva f'moħħ il-pubbliku li kien se jinħatar Ministru tal-Ġustizzja naħseb li ħadmet kontra tiegħu mal-Prim Ministru, li bħal kull Prim Ministru ieħor, ma jkunx irid li jħossu kundizzjonat meta jagħmel l-għażliet tiegħu. Nifraħ sinċerament lill-Jose li refa' s-salib tiegħu b'rassenjazzjoni u baqa' jaħdem."
Joe Grima jgħid ukoll li, "Deċiżjoni oħra li hi ġusta hi ż-żamma ta' Keith Schembri bħala Chief of Staff. Lill-Keith jafuh biss iċ-ċirku strett ta' madwaru. Ma jfittixx prominenza u ma jidhirx ħlief għax-xogħol. Keith Schembri huwa wieħed mill-assi l-kbar ta' Joseph Muscat u ħafna minn dak li ntqal u nkiteb fuqu tul dawn id-disa' ġjmgħat kien inġust u fil-biċċa l-kbira malafamanti. Is-suċċess jġib miegħu l-għira ta ħafna nies, kultant anki ta dawk li huma stess meqjusa bħala nies ta' suċċess, aħseb u ara ta dawk li għalihom l-għeneb huwa qares."
Ir-reshuffle... "triq tan-nofs li ma fiha ebda virtù" - Michael Grech, lettur fil-Junior College
Michael Grech, li hu lettur fil-Junior College, fil-kummenti li tana qal li, "Naħseb saru bidliet bit-tama ta' paċifikazzjoni imma li fil-verità ma ssodisfaw lil ħadd. Mela la ċerti ministeri tneħħew minn ċerti nies li kienu qed jiġu miltuba jirriżenjaw minn-naħa tal-Oppożizzjoni u ta' ċerti setturi tal-opinjoni pubblika, donnu kien hemm ammissjoni li dawn tal-aħħar kellhom xi forma ta' raġun. Mandankollu la l-ministru in kwestjoni baqa' ministru (allavolja bla portafoll) dehret li l-Prim Ministru ried b'xi mod iħarsu u jħallih fejn kien xorta. Triq tan-nofs li ma fiha ebda virtù."
"Nistgħu biss nibqgħu nistaqsu għaliex qed jiġri dan?" - Ivan Grech Mintoff, Alleanza Bidla
Ivan Grech Mintoff minn Alleanza Bidla qalilna li, "F'demokrazija normali, kull politikant li jinqabad li għandu offhsore trust fund f'pajjiż meqjus tax haven, jirriżenja immedjatament. Anki jekk inhuma biss xnigħat, dak li jkun jirriżenja sakemm inaddaf ismu. F'demokrazija normali l-Prim Ministru ma jdumx disa' ġimgħat biex jiddeċiedi, xi ħaġa li għamlet ħsara lill-pajjiż. Riżenji finta u li tħalli l-istess nies f'istess rwoli li kellhom qabel mhux soluzzoni. Dan hu insult kbir għall-votanti Maltin li riedu bidla u vvuttaw lil dan il-Gvern. Dawn flok bidla, ħadu l-agħar tip ta' abbuż possibbli. Bla dubju li għad fadal żmien biex il-Prim Ministru jieħu azzjoni pożittiva u ta' veru fejn l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel. Quddiem dan, nistgħu nkomplu biss nistaqsu għaliex qed jiġri dan?" tenna Ivan Grech Mintoff.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home