Thursday, May 5, 2016

Wara li l-Awditur Ġenerali ġibed l-attenzjoni... Azzjoni mill-OPM fuq direct orders


F'rapport li kien inħareġ ftit tal-ġimgħat ilu mill-Awditur Ġenerali, hu kien ikkritika lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar direct orders li nħarġu u li xi wħud minnhom kienu jikkonċernaw attivitajiet nazzjonali. Erba' xhur wara dik il-kritika, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħa azzjoni dwarha. Fil-fatt l-azzjoni li qed tittieħed mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru hi dik li l-ġustifikazzjoni għaliex saret 'direct order' se tibda tkun dokumentata.
inewsmalta.com staqsa lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar din il-kritika tal-Awditur Ġenerali u l-azzjoni li ttieħdet, fejn hu qalilna li, "Il-kwistjoni tad-direct orders kienet dwar festi nazzjonali. Ma setax isir mod ieħor għax kien hemm rabta b'perjodu ta' żmien li fih iridu jsiru dawk l-avvenimenti. Se jibda jkun hemm il-ġustifikazzjonijiet kollha għal meta tinħareġ direct order," qalilna l-Prim Ministru.
L-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu dwar il-ħidma tal-ministeri, kien qal li kien inħareġ ħlas ta’ €23,000 f’direct order għal attività partikolari u kien irrmarka ukoll li l-attività kienet saret f’Marzu iżda l-approvazzjoni tad-direct order saret f’Ġunju, jiġifieri xahrejn wara. L-awditur fir-rapport tiegħu kien qal li l-skont l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ma ntalbu ebda stimi minħabba li ftit kien hemm żmien.
L-awditur fir-rapport tiegħu kien ikkritika l-fatt li kienet twaqqfet Fondazzjoni biex torganizza attivitajiet biex jiċċelebraw l-festi nazzjonali. Kien qal li sab li f’sitt każijiet il-fondazzjoni marret għall-approvazzjoni ta’ direct order. Jgħid li matul is-sena 2014 kien hemm tliet fornituri li tħallsu €432,374. Fi tliet każijiet minn dawn is-sitt każijiet investigati, il-ħlas kien ta’ €225,874 fejn il-fondazzjoni ġabet żewġ stimi. Dawn kienu segwiti minn approvazzjoni ta’ direct order.
Fuq tliet każijiet oħra nħarġu espressjonijiet ta’ interess b’total ta’ €320,000. Dawn kollha ngħataw lill-istess fornitur. L-awditur kien enfasizza li minkejja li nħarġet l-approvazzjoni għad-direct order, kien evidenti li meta wieħed jara l-ispiża involuta, kellha tinħareġ sejħa pubblika jew jintalbu stimi.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home