Tuesday, July 19, 2016


Aktar djar arkitettoniċi f'Tas-Sliema bil-mannara fuq rashom


Fl-aħħar jiem, aktar djar arkitettoniċi f'Tas-Sliema, jinsabu bil-mannara fuq rashom li jinqerdu darba għal dejjem.  L-aħħar minn sensiela ta' djar li jinsabu fi proposta biex ikunu żviluppati f'appartamenti hemm dar kbira bl-isem ta' Assisi fi Triq Dingli u dar oħra fi Triq Graham, bi stil ta' art deco.
Edward Said, minn Sliema Heritage Society, meta tkellem ma' inewsmalta.com iddikjara li "b'dawn il-proposti ta' żvilupp se nispiċċaw neqirdu kapitlu importanti fl-arkitettura Maltija". Hu enfasizza li l-istili ta' bini f'Tas-Sliema, jirrappreżentaw epoka partikolari u huma importanti daqs il-palazzi li nsibu fil-Belt. 

inewsmalta.com hu infurmat li parti minn Dar Assisi fi Triq Dingli għandha proposta biex tkun żviluppata fi blokk ta' ħames sulari. Din id-dar ġiet iddisinjata mill-perit magħruf Gustavo R. Vincenti. Fi Triq Graham hemm dar oħra li ukoll qed ikun propost li titwaqqa' biex flokha jinbena blokk ta' appartamenti. 


Edward Said, meta kkummenta ma' inewsmalta.com, saħaq li "bla dubju ta' xejn li dan il-bini f'Tas-Sliema hu importanti daqs il-palazzi tal-Belt Valletta u daqs il-bini fl-Imdina. Dawn huma monumenti ta' epoka ta' arkitettura fil-ġebla Maltija li ssibha biss f'Malta. Bit-twaqqigħ tagħhom se nkunu qed neqirdu parti mill-istorja arkitettonika Maltija. 

Edward Said kompla jgħid li "hemm diversi gradi ta' interventi. Barra iż-żona ta' konservazzjoni urbana il-bini jista' jinħatt kollu kemm hu. 
Min-naħa tagħna fuq ċerti applikazzjonijiet qed nippruvaw nimmilitaw biex għallinqas tinżamm il-faċċata. Jekk nieħdu l-każ fi Triq Dingli naraw li maġenb din id-dar hemm blokk ta' appartamenti ta' ħames sular. Li wieħed jaqbad u jiġġustifika ħames sulari biex xorta ħloqt ħajt hi assurda."

Hu kompla jgħidilna li "fil-jiem li ġejjin se nkun qed nagħmel proposta lill-kunsill lokali biex nagħmel preżentazzjoni dwar l-istili ta' Tas-Sliema. Triq Dingli u Triq Amery naraw fihom kompetizzjoni bejn il-periti fuq stili arkitettoniċi. Min qed jgħid li Tas-Sliema spiċċat huma għomja. Hu veru li aktar mhu jgħaddi aktar din il-qerda qed issir realtà. Biss ngħid li hemm ħafna x'jiġi kkonservat. Jekk se jibqa' jinqered il-bini bi stil ta' art deco u art noveau, se jkun ifisser li se jċaħħdu lill-ġenerazzjonijiet futuri minn kapitlu tal-arkitettura Maltija."
minn l-orizzont u inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home