Villa b'pixxina minflok razzett antik fuq "it-Tafal tal-Imdina"
Razzett antik li jinsab fiż-żona magħrufa bħala 'it-Tafal tal-Imdina' eżattament kif titla' s-Saqqajja jinsab b'futur imċajpar għall-aħħar. Dan hekk kif hemm proposta biex dan ir-razzett, li sa issa l-kundizzjoni u l-istat tiegħu għadhom mhux magħrufin, jitwaqqa' biex minfloku tinbena villa. Iż-żona hi waħda mill-aktar sensittiva mil-lat ambjentali u anke mil-lat arkeoloġiku peress li qrib is-sit hemm għadd ta' fdalijiet arkeoloġiċi. L-ORIZZONT hu infurmat li l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA) oġġezzjonat għal dan l-iżvilupp minħabba impatt li dan l-iżvilupp propost jista' jkollu fuq l-ambjent.Jidher li l-ERA qed toġġezzjona minħabba li dan l-iżvilupp imur lil hinn miż-żona ta' żvilupp eżistenti. Filfatt jidher li l-proposta trid li tkabbar il-binja li llum hi razzett b'xejn inqas minn 75 metru kwadru. L-applikant qed jipproponi żvilupp ta' 130 metru kwadru u pixxina.
Fost l-oġġezzjonijiet li hemm insibu l-fatt li l-iżvilupp propost se jaffettwa b'mod negattiv il-pajsaġġ uniku taż-żona, waqt li qed iqumu mistoqsjiet dwar jekk ir-razzett għandu jaqa' fejn sa issa mhux magħrufa l-kundizzjoni tiegħu.
Ta' min jgħid li ftit snin ilu, qrib dan l-istess post l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar kienet approvat applikazzjoni għall-bini ta’ vilel. Dan il-permess kien ħareġ minkejja li f'rapport li kien għamel dwar permess li kien diġa nħareġ fuq dan is-sit, l-awditur tal-MEPA ta' dakinhar Joe Falzon kien qal li qatt ma kellu jinħareġ permess fuq dan is-sit. ?Interessanti l-fatt li l-awditur tal-MEPA fir-rapport tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-vilel kien qal li kien hemm żewġ applikazzjonijiet fis-sit li ma kinux aċċettati u hu jikkwota r-raġunijiet li kien ta' l-bord dakinhar.
Il-Bord kien qal li “jaqbel mar-raġunijiet ta’ rifjut miġjuba mill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp għaċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni. B’mod partikolari, il-bord hu tal-fehma li dan is-sit m’għandux ikun żviluppat fil-forma proposta għall-fatt, fost ħwejjeġ oħra, li jikkostitwixxi parti mill-'green belt’ u għalhekk hu kontra s-sens li dan il-bord jippermetti l-iżvilupp anke b’'landscaping plan’.”?Il-bord kien qal ukoll li “s-sit mertu ta’ dan l-appell hu wieħed agrikolu li jinsab fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana tar-Rabat. Fl-istess ħin jifforma parti mill-'green buffer zone’ tal-UCA. L-iżvilupp propost la hu wieħed ta’ mertu agrikolu u lanqas mhu wieħed li joqrob għal dan it-tip ta’ żvilupp bħal ngħidu aħna xi ġnien. Għall-kuntrarju l-iżvilupp propost hu wieħed purament residenzjali. Il-bord mhux tal-fehma li biex ikun akkomodat l-iżvilupp tal-appellant ikun irid isir sfreġju fuq l-ambjent naturali li jeżisti llum il-ġurnata fis-sit. Kull 'landscaping plan’ qatt mhu se jkun aħjar mill-ambjent rurali li jeżisti.
”?L-awditur tal-MEPA fir-rapport tiegħu kien qal ukoll li “l-fatti jitkellmu waħedhom. F’żewġ okkażjonijiet kien rifjutat żvilupp f’dan is-sit minħabba raġunijiet ambjentali. Il-Local Plan Unit, fil-preparazzjoni għal pjan lokali għaż-żona kiteb ’policy’ speċifikat għal din iż-żona biex jiżgura li din tibqa’ mhix żviluppata u żżomm il-karattru rurali tagħha. Il-'policy’ tgħid ċar u tond li s-sit għandu jkun protett minn kull żvilupp.”
minn l-orizzont u inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home