Sunday, July 17, 2016


Kulħadd jerda' u jiffanga mit-taxxi tal-poplu - Busuttil

"Ma nħallux Membri Parlamentari fuq bordijiet pubbliċi. Ministri u Segretarji Parlamentari ma jistgħux idaħħlu qraba fil-bordijiet.  Kulħadd jerda' u jiffanga mit-taxxi tal-pubbliku. Jekk kienet tiġri u qiegħda tiġri m'għandhiex issir. Dawn huma ftit minn proposti konkreti li qegħdin nagħmlu għal standards fil-ħajja pubblika."
    Dan sostnieh il-Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil, meta mitlub  jikkummenta f'intervista dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal abbozz ta' liġi li qed ikun diskuss fil-Parlament għal standards fil-ħajja pubblika. Dan l-abbozz jikkonċerna l-imġieba tal-politiċi.
    Hu rrefera għal attakk li sar f'Nizza u dak li ġara fit-Turkija u qal li 'dan hu ta' dispjaċir kbir. Hu tajjeb li aħna nsegwu dak li qed jiġri fid-dinja għax aħna parti minnha. Dik li seħħet fi Franza hi traġedja kbira. Nizza iżuruha eluf ta' Maltin u min jaf kemm Maltin imxew fuq il-promenade ta' Nizza. Din hi traġedja ta' proporzjon enormi mal-familja tagħna, il-poplu Franċiż. Nikkundanna bla riservi dan l-attakk. Din turi ukoll kemm il-ġlieda kontra t-terroriżmu mhix ġlieda faċli."
    Dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija qal li "din hi sitwazzjoni inkwetanti. Kellek kolp ta' stat għal gvern elett demokratikament. Il-fatt li l-kolp ta' stat intrebaħ hu tajjeb. Biss, l-awtorità ta' Erdogan issa saret aktar b'saħħitha u l-mod kif imexxi hu iqajjem mistoqsijiet b'mod partikolari dwar kemm tiffunzjona id-demokrazija fit-Turkija. Aħna għandna kummerċ kbir mat-Turkija u linja diretta."
    Busuttil tkellem dwar l-abbozz ta' liġi dwar standards fil-ħajja pubblika, hu qal li "għandna Gvern li l-imġiba fil-ħajja pubblika irredikolaha u ġabha disprezz ta' mistħija. Din l-inizjattiva hi mbuttata bil-kbir minna bħala Partit Nazzjonalista. Kien hemm abbozz antik u ma kienx tressaq u jien wara sitt xhur mill-bidla fil-Gvern kont diġa poġġejt mozzjoni.  L-inizjattiva saret mill-Oppożizzjoni u din saret biex issir liġi biex il-politiċi fl-imġieba tiegħu isegwi standards għoljin. Kieku l-Prim Ministru Joseph Muscat żamm il-wegħdi tiegħu, din il-liġi ma kinitx tkun daqshekk importanti. Illum il-kelma ta' Joseph Muscat ma tiswa xejn. Joseph Muscat wiegħed li ma jbigħx l-Air Malta u llum kulħadd li qed jagħmel bil-maqlub. Din għaddew minnha ukoll il-ħaddiema tal-Enemalta. Hemm il-kwistjoni tal-wegħda kbira ta' trasparenza u tal-meritokrazija u dawn kollha inkisru waħda wara l-oħra."
    Iddikjara li "fl-emendi li qed nipproponu għal dan l-abbozz ta' liġi, hu li nuru li aħna alternattiva. Irrid nuri lin-nies li l-politika tista' ssir b'mod differenti u li inti tista' tafda.  Xi żbalji u nuqqasijiet kien hemm ukoll, imma issa in-nies quddiem dak li qed jagħmel dan il-gvern qed jgħidu 'imma jien ma nista' nafda lil ħadd?".
    Busuttil qal li "għandek Gvern iffukat biex jgħatti l-iskandli. Ħaddiema li jaħdmu fil-prekarjat ukoll għalihom ma tfisser xejn il-kelma ta' Joseph Muscat. Anki dawk li għandhom pagi baxxi, l-kelma ta' Joseph Muscat ma tfisser xejn. Mhux imbilli l-Gvern jiftaħar b'ekonomija li qed tikber. Hawn mad-90,000 persuna li jiddependu mill-pensjoni u dawn mhux ilaħħqu. Lil dawk f'akkomodazzjoni tal-Gvern għollielhom il-kera.  Dan il-Gvern intaxxa lil min hu fqir. Lil dawk morda bil-kanċer, hu sew li għad għandek nies li qed jittalbu għand il-President. Din turi li għandek Gvern li hu moħħu biex jiffanga hu u ta' madwaru. Il-frażi ġustizzja soċjali hi importanti ferm. L-impenn tiegħi hu li fejn Joseph Muscat ħoloq id-diżugwaljanza jien inġib l-ugwaljanza, fejn Joseph Muscat il-kelma tiegħu ma tfisser xejn jien irrid li l-kelma tiegħi tkun tiswa u tfisser".
    Dwar il-proposti tal-Oppożizzjoni dwar l-istandards fil-ħajja pubblika, Dr. Busuttil qal li "irridu li l-Kummissarju tal-Pulizija ikun ta' ċertu livell. Irridu li l-Ministri iridu jinfurmaw qabel jivvjaġġaw. Mhux insiru nafu li Konrad Mizzi qiegħed Vjenna, l-Iżvizzera u Baku. Mort vaganza jew mort b'xogħol. Ma nħallux Membri Parlamentari fuq bordijiet pubbliċi.  Ministri u Segretarji Parlamentari ma jistgħux min jiġi minnhom idaħħluhom fil-bordijiet. Kulħadd jerda' u jiffanga mit-taxxi tal-pubbliku. Jekk kienet tiġri u qiegħda tiġri m'għandhiex issir.  Dawn huma ftit minn proposti konkreti. Min hu mħallas mit-taxxi għax imħallas mill-Gvern, ma jistax fuq il-medja soċjali jagħmel attakki kontra n-nies. Dawn xi ħniżrijiet huma. Imma jekk inti impjegat tal-Gvern u mħallas mit-taxxi tan-nies biex waqt ix-xogħol tattakka lil ħaddieħor".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home