Friday, July 15, 2016

Esperjenza ta' migrant salvat f'wieħed mill-aħħar salvataġġi:

"Ġrejt għad-dgħajsa u sparawli"

Fis-salvataġġi li seħħew fl-aħħar jiem, infermieri abbord il-bastiment ta' Medecins Sans Frontieres (MSF) iltaqgħu ma' każ mhux daqstant komuni. Hi komuni ħafna li immigranti salvati jkollhom grieħi jew marki ta' swat u tortura xhieda ta' dak li jkunu għaddew minnu fil-Libja, imma mhix xi ħaġa komuni li migrant ikun salvat b'ferita gravi ta' sparatura. Ingħata l-kura mill-ewwel, għalkemm l-esperjenza li rrakkonta ħalliet lill-voluntiera preżenti bla kliem. 

Kaore għandu 18-il sena. Hu kien jgħix fil-Kosta tal-Ivorju. Hu jgħid li "tlaqt mill-villaġġ fejn kont ngħix diversi xhur ilu. Il-vjaġġ kien diffiċli ħafna. Flus ma kellix. B'mod jew b'ieħor dejjem sibt nies li għenuni nkompli bil-vjaġġ. Għamlu dan mingħajr ma stennew xejn għax jien ma kelli xejn. Wasalt il-Libja imma hemmhekk bdejt nibża'. Kont ngħix f'dar ma' għadd ta' persuni oħra mill-Kosta tal-Ivorju. Dejjem naħseb fuq x'jista' jiġri. Fil-Libja tara anki tfal bl-armi, li ma jaħsbuhiex darbtejn biex jisparawlek. Pajjiż li fih tista' tispiċċa tinħataf bl-għan li familtek tħallas il-flus biex teħilsek lura." 

Kaore jgħid li fil-Libja ftit li xejn ħadem u dan minħabba l-biża li jispiċċa jinħataf. Familtu ma setgħatx tħallas jekk jinħataf. 

Jitkellem fuq kif safa ferut. "Konna sejrin lejn ix-xatt biex nirkbu d-dgħajsa. Ridt nitlaq minn dak il-pajjiż li fih persuni Afrikani li ġejjin minn pajjizi li jinsabu taħt id-deżert tas-Sahara diffiċli jgħixu. Tgħidulix x'ġara. Niftakar inqalgħet kwistjoni. Jien ġrejt. Il-Libjani bdew jisparaw. Intlift minn sensiha. Meta ġejt tiegħi sibt li qiegħed f'dgħajsa żgħira f'nofs ta' baħar. Li għadni ħaj hu grazzi għal Alla u għal sħabi oħra mill-Kosta tal-Ivorju. Setgħu abbandunawni fuq ix-xatt. Kieku llum mejjet". 


Miegħu, fost persuni oħra kienu salvati ukoll tlett pesuni oħra, li ġejjin mill-Kamerun.
"Il-mewt kienet il-kaġun li vvjaġġajna lejn it-tramuntana għal-Libja", jgħidu Rafael, Desire u Olivier. 

Salvati u abbord il-bastiment Aquarius huma intefgħu f'rokna ħdejn xulxin. Olivier u Rafael kienu jaħdmu flimkien fl-industrija tal-kostruzzjoni fil-Libja. Lil Desire saru jafuh fi Tripli. 

F'diskursata mal-voluntieri dwar xi jwassalhom jagħmlu l-vjaġġ, Raphael jgħid bla tlaqlieq li "trid tifhmu li l-mewt tkun qed tiġri warajna.
Dejjem nispiċċaw niġu mbuttati nivvjaġġaw lejn it-tramuntana. F'pajjiżek hemm inkwiet mod u fil-Libja hemm mod ieħor". 

Desire jgħid li "jien doqt il-ħabs fil-Libja. Kont arrestat meta kont fi triq. Ħaduni l-ħabs mingħajr ma naf x'kienet ir-raġuni. Qafluni hemm. Sirt naf li jekk mhux se nħallas hemm se nibqa'. Fil-Libja jekk trid xi ħaġa trid tħallas. Jien flus ma kellix. Lanqas familti ma setgħatx tħallas. 

Lill-gwardji ma kellix xi nħallashom biex nakkwista lura l-libertà. Ġara li minħabba r-Ramadan kien hemm inqas gwardji fil-ħabs u dan wassal biex ħrabna. Wara din l-esperjenza ma ridtx nibqa' l-Libja. Imxejt lejn ix-xatt. Iltqajt ma' grupp ta' Afrikani u dawn qaluli li kienu se jirkbu d-dgħajsa. Jien ingħaqadt magħhom."
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home