Thursday, July 14, 2016

Akkużi serji ta' partiġjaniżmu politiku fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali

B'ton ta' rabja, fejn għal diversi drabi ssemma Goebbels li kien il-Ministru ta' Propaganda tan-Nażisti fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, id-Deputat Laburista Michael Falzon illejla kkritika bl-aħrax ħaddiema li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Hu akkużahom b'mod mill-aktar ċar b'partiġjaniżmu politiku u ddikjara li dawn mhux posthom f'dak l-uffiċċju.
"X'fiduċja jista' jkollok f'ċerti individwi li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali? Hemm individwu, Antoine Calleja, li kien jaħdem fis-Segretarjat ta' Jason Azzopardi meta dan kien Ministru u dan anke siefer miegħu. Issa dan il-ħaddiem irid jinvestiga l-aġir tal-eksministru tiegħu.”

Il-kelliem poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ritratt ta' dan il-ħaddiem. Semma wkoll lil Keith Mercieca u qal li ,"Dan hu perċimes tal-partiġjaniżmu politiku fl-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Keith Mercieca li flimkien ma' Josephine Vella, il-mara ta' kandidat Nazzjonalista, ftaħru li wara li ħareġ ir-rapport dwar privatizzazzjoni, qalu li se jiftħu x-xampanja. Dawn lanqas hu posthom fiċ-ċivil. Tajjeb tistaqsihom Sur Speaker x'xampanja fetħu meta ħareġ ir-rapport dwar Triq Zekka."
Michael Falzon kompla jgħid, “X'jiġifieri tagħmel rapport u tkisser karriera politika ta' xi ħadd u lanqas hemm il-firma ta' min kitbu? Dawn ittri anonimi ngħidulhom. Fejn qatt smajnieha din? Meta tistaqsi dwar dan jgħidulek għax mhix il-prassi. Ngħid jien x'jiġifieri mhix il-prassi? Nappella lill-Awditur Ġenerali preżenti Charles Deguara għal aktar trasparenza. Min jagħmel l-aġenda ta' x'jiġi investigat fl-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali? Kif jinvestigaw każ u ieħor ma jinvestigawhx? Min se jinvestiga l-iskandlu tal-Fekruna? L-istess bħall-politika ta' Goebbels, igdeb, igdeb u igdeb u fl-aħħar jemmnuk. Min kien isiefer mal-Ministru li kien involut? Min se jinvestiga l-każ tal-HSBC li għal kirja ta' ftit snin tħallsu l-miljuni? Hemm ħaddiema fl-uffiċċju tal-awditur li mhux posthom fiċ-ċivil. Iva, hemm post għal kulħadd imma trid tkun denju. Tal-mistħija. Jekk mhux se jitranġaw l-affarijiet, ilbieraħ kont jien il-vittma u għada jaf ikun ħaddieħor. F'ġieħ is-sewwa m'għandux ikun hekk,” qal Michael Falzon filwaqt li talab li l-Ispeaker isejjaħ laqgħa.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home