Thursday, July 14, 2016

Sospiża l-applikazzjoni għal żvilupp fis-sit tal-lukanda Jerma

Dwar is-sit ta' fejn kien hemm il-lukanda Jerma f'Wied il-Għajn, smajna għadd ta' argumenti. Minn żmien għal żmien dan is-sit anke ntuża għal diversi abbużi fosthom rimi ta' skart. Huma diversi dawk li sejħu biex hemm ikun hemm proġett turistiku. Id-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici fil-Parlament staqsa dwar dan, u fiex waslet l-applikazzjoni ta' żvilupp li hemm.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb li l-applikazzjoni bħalissa hi sospiża. Il-Prim Ministru qal li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiemha applikazzjoni 'Outline' PA3836/08 fejn qed jintalab twaqqigħ sħiħ tal-lukanda Jerma f’Wied il-Għajn u bini mill-ġdid ta' lukanda kif ukoll numru ta' residenzi li jagħmlu parti minn pjan ta' proġett sħiħ.
Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa fit- 2 ta' Awwissu 2008 u ġiet ippubblikata għall-konsultazzjoni pubblika fit-3 ta' Settembru 2008 għal terminu ta' 21 ġurnata.
Kompla jgħid li bejn it-22 ta' Ottubru 2008 u t-23 ta' Marzu 2009, l-istess applikazzjoni għaddiet mill-proċess ta' konsultazzjoni fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar fejn ġie stabbilit li kull żvilupp propost fuq dan is-sit huwa suġġett għal development brief kif ġie stabbilit fil-Pjan Lokali ta’ Marsaskala.

L-applikant ġie informat, permezz ta' ittra uffiċjali datata 23 ta' Marzu 2009, illi jekk jagħżel li jkompli bl-ipproċessar tal-applikazzjoni, id-Direttorat tal-Ippjanar ikollu jipproċedi billi japplika l-planning policies tal-Pjan Lokali preżenti, jiġifieri jipproċedi b'rakkomandazzjoni negattiva għal-deċizjoni quddiem il-Bord tal-Ippjanar.
Għalhekk din l-applikazzjoni tinsab sospiża tistenna sottomissjonijiet mill-applikant wara li l-Awtorità informatu illi kull żvilupp propost fuq dan is-sit huwa suġġett għal development brief kif mitlub mill-Pjan Lokali taż-żona.

minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home