Friday, July 15, 2016

Tkeċċew minn appartament u bdew jgħixu barra f'San Pawl il-Baħar


Fl-aħħar sigħat, b'mod partikolari lbieraħ filgħaxija u kmieni dalgħodu, residenti li joqogħdu fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Għażżenin, indunaw li xi persuni aktarx Taljani kienu qed jgħixu barra f'San Pawl il-Baħar.
Fil-fatt huma kienu qed jorqdu fuq xi bankijiet li hemm fil-post u anke għamlu kampijiet fuq ix-xatt u niżżlu l-affarijiet li kellhom hemm. L-istess persuni qed jallegaw li dawn tkeċċew minn appartament li kienu qed jgħixu fih u li kien fl-istess inħawi.
Bil-każ ġew infurmati l-Pulizija, biex dawn jinvestigaw u jieħdu l-azzjonijiet neċessarji.
Is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar, Graziella Galea, ikkonfermat ma' inewsmalta.com li l-Pulizija huma infurmati b'dan il-każ. Fil-fatt f'kumment li tat lil inewsmalta.com hi qaltilna li, "Bħala Kunsill Lokali ma rċevejna ebda rapport dwar persuni reqdin barra. Madankollu, aktar kmieni llum rajt ilment dwar dan is-suġġett fuq sit soċjali.
Fil-fatt dalgħodu saret spezzjoni fuq il-post u nstab li xi persuni kienu reqdin fuq il-blat, tellgħu żewġ kampijiet u kellhom xi ħwejjeġ fuq l-istess blat."
Hi kompliet tgħid li, "Kif inhu magħruf il-Kunsilli Lokali m'għandhomx mod kif jintervjenu b'mod dirett f'dawn iċ-ċirkostanzi, ħlief billi jagħmlu r-rapporti neċessarji. Għaldaqstant aktar kmieni dalgħodu l-Pulizija ġew infurmati dwar din il-materja sabiex tkun tista' tittieħed l-azzjoni neċessarja."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home