Sunday, July 17, 2016


L-Uffiċċju tal-Awditur 'diżappuntat' bl-allegazzjonijiet ta' Michael Falzon

Wara l-allegazzjonijiet serjissimi li għamel l-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon fil-ħin tal-aġġornament fil-Parlament dwar dak li hu sejjaħ partiġjaniżmu politiku ta' ċerti ħaddiema fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, l-istess uffiċċju meta kkummenta ma' inewsmalta.com iddikjara li, "L-uffiċċju jixtieq jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu għall-kummenti u l-allegazzjonijiet li saru."
    L-eks Segretarju Parlamentari Falzon talab lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farruġia biex tissejjaħ laqgħa mal-Awditur Ġenerali u dan bl-għan li jkun hemm kjarifika dwar dak li nkiteb f'rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-każ ta' Triq Zekka. Falzon irrimarka li f'addenda għar-rapport issemmew seba' punti mill-awditur ġenerali f'kumitat tal-Parlament u li lilu jagħtuh raġun dwar il-każ ta' Triq Zekka. Falzon qal li l-uffiċċju tal-awditur ġenerali qed jirrifjuta li jippubblika l-addenda għax din mhix il-prassi li jsir dan. 
    Dwar il-fatt li ssemmew ismijiet  ta' ħaddiema fl-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u li lejhom saru akkużi ta' partiġjaniżmu politiku, għamilna kuntatt mal-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u dawn qalulna nibagħtu d-domandi lill-Awditur Ġenerali, Charles Deguara.  Wara li għamilna dan irċevejna risposta mill-Uffiċjal Inkarigat mill-Kommunikazzjoni, Mario Sant.
    Hu qalilna li, "B’referenza għal dak li staqsejt  lill-Awditur Ġenerali dwar dak li qal id-Deputat Parlamentari Michael Falzon fl-aġġornament, f’dan l-istadju l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jixtieq jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu għall-kummenti u allegazzjonijiet li saru, kemm fil-konfront tal-Uffiċċju kif ukoll l-istaff tiegħu.  L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jagħmel dak kollu possibbli sabiex jibqa’ jwettaq il-mandat kostituzzjonali tiegħu bl-aħjar mod, kif jixhdu r-rapporti kollha maħruġa minnu.  Ix-xogħol tal-Uffiċċju hu mibni fuq il-prinċipji ġusti u fundamentali ta’ trasparenza u kontabilità."
    Id-Deputat Parlamentari Michael Falzon akkuża b'partiġjaniżmu politiku lil diversi ħaddiema. Hu ddikjara li dawn mhux posthom f'dak l-uffiċċju. Semma lil Antoine Calleja, Michael Mercieca u Josephine Vella.
    Huwa qal, "X'fiduċja jista' jkollok f'ċerti individwi li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali? Hemm individwu, Antoine Calleja, li kien jaħdem fis-Segretarjat ta' Jason Azzopardi meta dan kien Ministru u dan anke siefer miegħu.  Issa dan il-ħaddiem irid jinvestiga l-aġir tal-eksministru tiegħu."
    Semma wkoll lil Keith Mercieca u qal li, "Dan hu perċimes tal-partiġjaniżmu politiku fl-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.  Keith Mercieca li flimkien ma' Josephine Vella, il-mara ta' kandidat Nazzjonalista, ftaħru li wara li joħroġ ir-rapport dwar privatizazzjoni, se jiftħu x-xampanja. Dawn lanqas hu posthom fiċ-ċivil. Tajjeb tistaqsihom Sur Speaker x'xampanja fetħu meta ħareġ ir-rapport dwar Triq Zekka."
    minn inewsmalta.com u l-orizzont

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home