Monday, September 5, 2016

Is-Suldati ta' Odin niżlu fit-toroq u bdew f'Tas-Sliema

Wara rapporti li konna xandarna dwar organizzazzjoni sigrieta bl-isem ta' "Suldati ta' Odin Malta", li hi parti minn gruppi oħra mwaqqfin f'xi pajjiżi Ewropej, issa inewsmalta.com hu infurmat li dan il-grupp mhux biss jeżisti u kien qed ikollu diversi laqgħat imma anke beda jinżel fit-toroq. Din l-organizzazzjoni sigrieta u organizazzjonijiet oħra bħalha fl-Ewropa u anke fl-Istati Uniti, ġew iffurmati biex skont huma iħarsu t-toroq u ċittadini Maltin mill-immigranti.
L-organizazzjoni tagħmilha ċara li lesta tiddefendi lil Maltin li jsibu ruħhom f'diffikultajiet mal-barranin f'kull mezz. Fi kliemhom stess "il-Musulmani huma ddisinjati u pprogrammati biex jeqirduna".

Fl-aħħar jiem grupp ta' persuni minn dan il-grupp bi flokkijiet ta' l-istess grupp, dehru jduru max-xatt f'Tas-Sliema.  Mhux eskluż li fil-jiem li ġejjin, dawn 'l hekk imsejħin rondi jinfirxu lejn postijiet oħra. Dan il-pass hemm min qed iqisu bħala provokazzjoni lejn immigranti jew persuni Musulmani b'mod partikolari jekk dawn ikunu konxji ta' x'jemmnu is-Suldati ta' Odin.


Il-Pulizija Maltija meta mistoqsijin minn dan il-ġurnal kienu qalulna li qed jinvestigaw dan il-grupp. Kienu qalulna ukoll li f'każ li jsiru rondi minn individwi dak ikunu ifisser ksur ta' liġi. Huma kienu qaliulna li "jekk ikunu se jiltaqgħu biex jagħmlu dawn ir-rondi, dan jista' jikkostitwixxi diversi reati taħt il-liġi Maltija skont iċ-ċirkostanzi. Dan peress li dawn m'għandhom ebda poter eżekuttiv."


Il-grupp Suldati ta' Odin feġġ l-ewwel fil-Finlandja u mbagħad infirex għax pajjiżi oħra. Fil-Finlandja l-prosekutur Matti Nissinen kien ikkundanna r-rondi li kien qed jagħmel dan il-grupp. Hu kien iddikjara li l-istorja uriet li qatt ma ħareġ xejn tajjeb minn movimenti bħal dawn.

Jirreferu għall-immigranti bħala "għedewwa"

Mhix sorpriża li fost dak li jiffurmaw dan il-grupp, hemm persuni bi twemmin tal-lemin estrem u dawk kontra immigranti Afrikani jew Sirjani. Fost il-materjal li jitqassam bejn xi wħud li resqu l-quddiem biex ikunu membri, jispikka l-fatt li dawn jirreferu għall-immigranti bħala 'għedewwa'. Jgħidulek 'iffaċċja lill-għadu f'wiċċu'. Materjal ieħor li qed jitqassam jgħid li "għin lil dawk bla forza anke jekk dan iwassal għall-mewt tiegħek. Din hi l-ħalfa tiegħek".
Messaġġi oħra jgħidu li 'dawk li huma korrotti jibżgħu minna. Dawk onesti jappoġġjawna. L-eroj jingħaqdu magħna".


Il-membri se jkollhom ġkieket b'S.O.O.

 Lil dawk interessati li jkunu membri kienu qed jgħidulhom ċar u tond li l-fergħa ta' Malta taqa' taħt il-grupp ta' Kemi fil-Finlandja, fejn kien hemm li ffurmat l-ewwel din l-organizazzjoni. Il-membri ġew infurmati li se jkollhom ġkieket li fuqhom ikollhom stampat il-kliem 'Suldati ta' Odin Malta'. Il-mexxejja tal-grupp se jkollhom sinjali li jidentifikawhom mill-membri l-oħra. 

Jgħidu li huma kritiċi tal-immigrazzjoni u jridu jinżlu fit-toroq biex iserrħu ras in-nies. Jiddikjarawlek li mhumiex grupp razzist, lanqas klabb tal-muturi jew xi organizzazzjoni kriminali. Jisħqu li għandhom missjoni dik li "jħarsu l-kultura Maltija, isaħħu l-valuri tal-familja u r-rispett, u li jħarsu l-ġirien u lil dawk fil-bżonn".


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home