Saturday, September 3, 2016

Lazzarett mitluq, b'partijiet f'riskju li jaqgħu

Serva għal aktar minn 250 sena bħala 'sptar kwarantina', għall-barranin li jkunu waslu f'Malta. Fih qagħdu għadd ta' persuni magħrufin fosthom il-kittieb u politiku Ingliż George Byron.  Bini mill-isbaħ li sar taħt il-Gran Mastri Nicholas Cottoner, Gregorio Caraffa, Lascaris u Manoel de Vilhena.  Bini li ilu snin mitluq. Daqs 11-il sena ilu kienet saret applikazzjoni biex il-bini jkun restawrat u xi żoni jinbnew mill-ġdid. Minn dan kollu iżda minħabba diversi raġunijiet ma sar xejn. Illum Lazzarett mhux biss hu mitluq imma partijiet minnu jinsabu f'riskju kbir ħafna li jaqgħu. Tant li parti minnu spiċċat mirfuda bil-ħadid.

inewsmalta.com hu infurmat li waħda mill-problemi marbuta ma' dan ir-restawr u bini mill-ġdid ta' partijiet mill-Lazzarett hu marbut mal-fatt li biex ikun hemm elettriku f'dan il-post meta jkun restawrat hemm bżonn li jkun hemm sub station.


Il-Lazzarett kien sofra għadd ta' ħsarat fit-Tieni Gwerra Dinjija u dan flimkien mal-abbandun ta' diversi snin jagħmilha xejn faċli f'dak li hu restawr.  Hemm żoni minnu li jinsab fi stat prekarju ħafna li f'każ ta' restawr iridu jittieħdu miżuri biex il-ħaddiema li jkunu se jaħdmu hemm fuq ir-restawr ikunu siguri.

Jidher li waħda mid-diffikultajiet li kien hemm hi dik ta' kif se jirnexxielhom iżommu kemm jista' jkun mill-bini oriġinali.

Fis-sena 1592, fejn illum hemm il-Lazzarett f'Manoel Island kien hemm binjiet tal-injam li kienu jservu bħala kwarantinna u dan wara li kienet faqqgħet il-pesta. Fl-1643, il-Gran Mastru Lascaris kien bena l-Lazzarett biex jikkontrolla l-pesta u l-kolera minn pazjenti barranin li jaslu hawn abbord il-bastimenti.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home