Saturday, September 3, 2016

Il-proġett f'Ħondoq ir-Rummien mhux approvat:

L-iżviluppatur irid li d-deċiżjoni tkun annullata


Il-kwistjoni dwar il-proġett propost għal Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex, liema proġett ftit jiem ilu ma ngħatax approvazzjoni mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, issa qed tieħu żvolta ġdida u dan hekk kif sar magħruf li l-iżviluppatur f'appell li għamel qed jitlob li d-deċiżjoni li ħa l-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar tkun annullata. Dan fuq il-bażi ta' nuqqas ta' smigħ xieraq. Dawk li dejjem ħadmu biex Hondoq ir-Rummien jibqa' fl-istat naturali, qed iħossu li llum Ħondoq hu bbumbarjat minn żewġ naħat - fuq naħa proposta ta' żvilupp ta' ħanut tas-suvenirs u fuq naħa oħra l-insistenza biex jitkomplew il-pjani għal proġett propost li ma ġabx l-approvazzjoni tal-MEPA.

F'dokument li ġie ppreżentat hekk kif ġiet appellata d-deċiżjoni, intqal li "t-tribunal qed jintalab li jannulla d-deċiżjoni tal-bord tal-Ippjanar u qed jitlob li l-każ ikun riferut lura lill-bord bi struzzjonijiet biex jitkompla l-assessjar  tal-proposti ta' żvilupp tal-applikant".  


Fid-dokument ippreżentat intalbet li jkun hemm gwida fuq liema waħda miż-żewġ alternattivi ta' proposti għandha titkompla d-diskussjoni jiġifieri jekk hux il-marina jew inkella il-laguna. L-istess tribunal qed jintalab li jingħataw linji speċifiċi ta' x'tip ta' żvilupp hu kkonsidrat aċċettabbli f'Ħondoq ir-Rummien. L-istess tribunal qed jintalab li jingħata linji gwida dwar il-gwadann li għandu jagħmel il-pubbliku minn dan il-proġett.


Meta kien sar l-appell, Paul Buttigieg f'isem Ħarsien Hondoq u li tant ħadem biex Hondoq ir-Rummien jibqa' kif inhu lum meta mitlub jagħti r-reazzjoni tiegħu għal dan l-appell, qal lil inewsmalta.com li "dawn x'qed jistennew li se jsir xi miraklu? Ir-rapporti kollha irrakkomandaw rifjut, u anke l-bord tal-MEPA unanimament kien kontra. X'qed jistennew l-iżviluppaturi? Min-naħa tagħna għamilna dak kollu possibbli biex Hondoq ir-Rummien jibqa' jitgawda mill-pubbliku bla xkiel."

?Ftit tal-ġimgħat ilu l-bord tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar b’vot unanimu ma laqax l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ Ħondoq ir-Rummien. Dan il-proġett, li kien ilu jiġi diskuss għal xejn inqas minn 14-il sena, kien jinkludi fost l-oħrajn proposti għal lukanda, appartamenti u jott marina? Dakinhar fost l-oħrajn tkellem il-Perit Edward Bencini, fejn spjega fiex kien jikkonsisti l-proġett u t-tibdil li kien se jseħħ matul iż-żminijiet. 

Madankollu, il-Case Officer tal-MEPA, Ivan Fava, irrakkomanda li l-proġett m’għandux isir minħabba li dan jinsab fuq art ODZ kif ukoll li se jikkawża problema tat-traffiku.?

Il-proġett propost kien jinkludi bini ta' appartamenti, lukanda u jott marina. Il-poplu tal-Qala ilu li vvota mis-sena 2001 fejn dakinhar 85 fil-mija qalu le għall-proġett?
 

Ta' min jgħid li l-antropologu Jeremy Boissevain kien ikkonkluda li l-proġett propost f'Ħondoq ir-Rummien se joħloq impatt negattiv mill-aspett soċjali. 

Transport Malta kienet irrakkomandat rifjut u anke l-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja kienet ikonkludiet li m'għandux jinħareġ il-permess għax hu diffiċli tiġġustifika li hu sostenibbli.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home