Tgħid li l-infurzar hu 'ineżistenti'... Is-Sindku tirreaġixxi
Is-Sindku Grazziella Galea irreaġixxiet għar-rapporti li xxandru f'inewsmalta.com u f'L-ORIZZONT dwar is-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' indafa f'żoni f'Buġibba. Waqt li qalet li l-ġurnalist kellu f'moħħu li joskura l-kunsill lokali, qalet li hemm lok għal aktar servizzi ta' tindif iżda biex dan isir hemm bżonn aktar fondi mill-Gvern. Hi saħqet li dawn il-fondi ma waslux waqt li qalet li l-infurzar hu ineżistenti. Is-Sindkuq qalet li "jidher ċar li, għal darb’oħra, min fassal dan l-artiklu kellu biss l-intenzjoni li jipprova joskura l-ħidma tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar. Ir-ritratti ta’ ħmieġ li dehru, ħmieġ imwaddab fi propjetà privata, jirriflettu sitwazzjonijiet li naraw fil-lokalitajiet kollha, u mhux f’San Pawl il-Baħar biss.
Wieħed kien jistenna li l-ġurnalist jikkundanna lil min ħammeġ dan is-sit u siti oħra bħal dawn, u, aktar u aktar, lis-sidien li mhumiex jimxu mar-regoli dwar siti bħal dawn. Iżda, għal xi raġuni jew oħra, u li ftit wieħed irid jaħseb x’tista’ tkun, it-tort intefa' fuq il-Kunsill Lokali. F'dan il-każ ma taqax taħtu ir-responabilità li jnaddaf siti privati, aktar u aktar meta, bħal dan is-sit, is-sit ikun ukoll magħluq b’xatba. Mhux talli l-ġurnalist tefa’ t-tort kollu fuq il-Kunsill Lokali, iżda għamel dan mingħajr ma ha l-kummenti tal-Kunsill Lokali li saret referenza għalih fl-istess artiklu. Fil-fatt ir-ritratti juru sit privat miftuħ, u li, allura, ma jaqax taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali. Tant hu hekk li meta l-Kunsill Lokali jirċievi lment dwar sit jew propjetà privata, il-Kunsill Lokali għandu d-dover jgħaddi dan l-ilment lill-entità ikkonċernata, kif fil-fatt isir. Dan l-artiklu hu biss wieħed minn sensiela li nkitbu matul l-aħħar ġimgħat, bl-intenzjoni li flok jiġi ikkundannat min qed jabbuża, jew min mhux qed jimxi mal-obbligi tiegħu, jintefa' dell ikrah fuq il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar." Graziella Galea enfasizzat li "filwaqt li hu veru li nżammet laqgħa dwar dan is-suġġett, dan is-suġġett ġie wkoll diskuss fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali. Iżda, il-bqija tal-artiklu, kien biss intenzjonat li jagħti stampa differenti mir-realtà dwar il-Kunsill Lokali, fuq materja li mhix kompitu tal-Kunsill Lokali.
Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, ta’ kuljum, inkluż Hdud u Festi Pubbliċi iwettaq ħidma, skont il-limitazzjonijiet finanzjarji tiegħu, biex iżomm il-lokalità nadifa. Il-Kunsill Lokali joffri s-servizz ta’ ġbir ta’ skart domestiku kuljum, mit-Tnejn sal-Hadd, irrispettivament tkunx festa jew le. Jiġi offrut ukoll servizz ta' ġbir ta' skart riċiklabbli darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ġimgħa, kif ukoll jipprovdi numru ta’ bring-in-sites madwar il-lokalità li fihom wieħed jista’ jiddisponi mill-iskart riċiklabbli f’kull ħin tal-ġurnata. Il-Kunsill Lokali joffri wkoll, minn tal-inqas tlett darbiet fil-ġimgħa, is-servizz ta’ ġbir ta’ skart goff bl-appuntament, servizz ieħor b’xejn li jiġi offrut. Minbarra dan is-servizz il-Kunsill Lokali jiġbor, prattikament ta’ kuljum, diversi oġġetti li jiġu mitluqa ‘l hawn u ‘l hemm fil-lokalità. Xi kultant tara sodda jew saqqu, darb’oħra tara televiżjoni, xi kultant gwardarobba, insomma tiltaqa’ ma’ kollox! Barra dan isir ukoll il-knis u t-tbattil tal-litter bins fil-lokalità. L-ispiża relatata tlaħħaq mal-1,400 Ewro kuljum, jiġifieri spiża ta’ ‘l fuq minn 40,000 Ewro fix-xahar." Is-sindku qalet ukoll li "għalkemm il-parti l-kbira tar-residenti jikkoperaw, inisbu oħrajn li jabbużaw u ma joħorġux l-iskart tagħhom barra, fil-ħin li suppost jagħmlu dan. Nemmen li jekk wieħed imur joqgħod f’lokalità għandu jgħarraf lilu nnifsu dwar ir-regoli f’din il-lokalità. Biex ngħinu f’dan, il-kunsill lokali kemm-il darba jqassam ittra bl-informazzjoni dwar is-servizzi differenti tal-ġbir tal-iskart. Bħalissa ukoll għaddejja kampanja ta' informazzjoni fejn qiegħed jitqassam fuljett bieb bieb, permezz tal-Green MT, u fejn qiegħda tingħata informazzjoni dwar l-istess suġġett."
Enfasizza li "filwaqt li nilqa’ kull tip ta’ għajnuna fil-lokalità, ma nistgħux nagħtu stampa li ma tirriflettix il-verità. Id-Direttorat ghat-Tindif issa ilu għal diversi snin joffri għajnuna lil din il-lokalità, u din il-ħidma hi ferm apprezzata. Iżda, din il-ħidma hi biss ħidma addizzjonali, ma’ dik li ssir mill-Kunsill Lokali. Fl-artiklu issemmew servizzi li l-Kunsill waqqaf, u li, iżda, kienu jingħataw qabel. Dan mhux minnu. Il-vann tal-Kunsill fil-fatt idur il-lokalità, u jiġbor l-iskart goff mitfugħ bl-addoċċ ‘l hawn u ‘l hemm. Insibu ġranet fejn l-unika ħidma li titwettaq tkun biss il-ġbir ta’ dan it-tip ta’ skart. Il-Kunsill Lokali, f’każ ta’ emerġenza, għandu l-faċilità li jqabbad persuna għat-tindif, kif fil-fatt ġieli sar, iżda mhux minnu li twaqqfet persuna li, bħal li kieku kienet tkun stand-by, kif prova jagħti impressjoni dan l-artiklu, u dan għax il-finanzi tal-kunsill ma jippermettux li jkollok persuna hekk. Nistgħu noffru aktar servizzi ta’ żamma ta’ ndafa? Nemmen li iva, iżda jekk aħna ningħataw aktar fondi mill-Gvern ċentrali sabiex inkunu nistgħu nagħmlu dan, fondi li sa issa għadhom ma waslux. Per eżempju għaliex il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Bahar ma jingħatax aktar fondi minħabba ż-żieda qawwija ta' residenti li jkunu qed jgħixu f'San Pawl il-Baħar matul ix-xhur tas-sajf, fejn hu stmat li l-popolazzjoni bejn Maltin u barranin taqbeż is-sittin elf ruh."
Is-sindku kompliet tgħid li "l-istess artiklu jakkuża lill-Kunsill Lokali għax jiġbor l-iskart darba biss kuljum, iżda jonqos li jsemmi li din hi lokalità unika fejn l-iskart jinġabar kuljum, inkluż Hdud u festi. Jista’ jinġabar aktar minn darba kuljum? Żgur li iva! Iżda dan jista’ jsir biss jekk il-Gvern jalloka iktar fondi għal dan. Minkejja kollox, jien nemmen li l-isforz biex ipinġi lill-San Pawl il-Baħar, u b'mod partikulari, lil Buġibba u lill-Qawra, bħala xi post abbandunat ġej mill-fatt li l-ħidma tal-kunsill f'dan ir-rigward tat il-frott tagħha, għalkemm dejjem hemm lok għal titijib. Per eżempju siti fejn kien hemm skips u dawn tneħħew minħabba l-abbuż li kien hemm, illum wieħed ma jsibx ħmieġ hemmhekk."
Enfasizzat li "nemmen li se jkun inutli li l-Kunsill Lokali u Dipartimenti oħra jibqgħu kontinwament inaddfu jekk mhux se jkun hawn infurzar dwar l-ambjent. Nemmen li l-poplu għandu diversi mezzi kif jista’ jkun edukat u infurmat u għaldaqstant jekk wieħed ma jobdix ir-regoli relatati mal-iskart, wieħed għandu jiġi mmultat, kif nemmen li jkun jixraqlu, inkella s-sitwazzjoni ma tistax tkompli titjieb. Illum il-ġurnata, l-infurzar jaqa’ kompletament taħt il-Gvern ċentrali, u għaldaqstant għandha ssir ħidma biex min qiegħed iħammeġ, probabbli intenzjonalment, jiġi mmultat. Iżda, sfortunatament, l-infurzar fir-rigward tal-ambjent hu prattikament ineżistenti u żgur li jista’ jkun hemm titjieb f’dan is-sens. Per eżempju meta tqabbdu l-gwardjani sabiex jagħmlu sorveljanza f’żona li kienet tkun kontinwament, f’kull ħin, abbużata permezz ta’ rimi ta’ skart u oġġetti ma nqabad ħadd! Għaldaqstant hu aktar zbaljat li l-kunsill lokali jiġi attakkat meta dan hu l-Gvern li sar responsabbli, kompletament, mill-infurzar. Fl-aħħarnett, għal darba oħra, nerġa' nitlob għall-kooperazzjoni ta' dawk kollha li joqogħdu u li jaqilgħu l-għixien tagħhom minn dawn l-inħawi, u dan, biex il-post ikun dejjem aħjar milli hu. Nemmen li għandna nagħmlu sforz kollettiv sabiex inżommu din il-lokalità nadifa."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home