Thursday, September 1, 2016


"Il-ħarba mis-Sirja" minn għajnejn tifla ta' 13-il sena
    •   
    •    Kienu jgħixu ħajja normali. Il-missier b'paga tajba u fi tmiem il-ġimgħa, il-familja kollha tingħaqad għal ħin ta' rilassament f'żona li kellhom barra Damasku. Qatt ma riedu u qatt m'għaddielhom minn rashom li xi darba kienu se jitilqu mis-Sirja. Ix-xogħol sensittiv li kien jagħmel il-missier, wassal biex il-familja spiċċat f'riskju. Ħabta u sabta l-missier ordnalhom jaħarbu. Deċiżjoni iebsa. Imma għal Għadeer Alsahli tifla ta' 13-il sena din ratha bħala avventura. Dan għax kienet se tirkeb ferrovija, l-ajruplan, u se tara postijiet ġodda. Imma ftit jiem wara bdiet tara id-differenza.  Fi ftit jiem hi u familta għaddew minn esperjenzi tal-biża fil-Libja, tant li tifla lanqas biss trid titkellem jew taħseb fuqhom. Fil-vjaġġ bil-baħar ta' 37 siegħa kważi waqgħet il-baħar u kien intervent ta' missierha biex salvat. L-entużjażmu biex telqet mis-Sirja kien spiċċa kollu sakemm ftit metri bogħod minnhom ġiet id-dgħajsa tas-salvataġġ. Fi kliemha stess, ma ħasset ebda emozzjoni għas-salvataġġ.


Fl-aħħar jiem inewsmalta.com tkellem ma' Ghadeer, tifla li llum għandha ta' 16-il sena, u li sa ftit xhur ilu kienet tgħix f'Malta ma' familtha. Illum qed jgħixu ħajja ġdida fil-Ġermanja.  Tkellimna magħha dwar kif rat il-ħarba mis-Sirja u l-esperjenzi li ltaqgħet magħhom.

Fis-Sirja mhux kollox kien perfett imma konna kuntenti

'Irrid ngħid li l-ħajja fis-Sirja qabel il-gwerra ma kinitx xi ħajja tal-ġenn.  Mhux kollox kien perfett. Imma konna sodisfatti u kuntenti bil-mod kif konna qed ngħixu. Kien hemm il-paċi u trankwillità.  Inħoss ħafna in-nuqqas ta' dik il-ħajja. Ikolli ngħid li anke jekk xi darba is-sitwazzjoni fis-Sirja tirranġa u jkun hemm il-paċi, żgur li l-ħajja mhix se tkun bħal qabel".

"Inħoss ħafna in-nuqqas tal-ħajja ta' qabel bdiet il-gwerra. Kienet ħajja li ma kontx se toqgħod taħseb fuqha. Missieri kien jaħdem u kellu xogħol tajjeb għax kien inġinier. Anki ommi kienet taħdem. Missieri kellu paga tajba. Hi ħasra kif kollox sfaxxa bil-gwerra.   Konna ngħixu f'Damasku, il-kapitali Sirjana. L-iskola kont studenta tajba ħafna. Kont inġib riżultati tajbin fl-eżamijiet. L-iskola li kont nattendi kienet waħda li fiha jattendu l-parti l-kbira tat-tfal. Meta bdiet il-gwerra l-iskola m'għalqitx. Bħala familja aħna ma ridniex nitilqu mis-Sirja. Qatt m'għaddilna minn rasna li naħarbu. Biss f'daqqa waħda ġejna f'ċirkostanza fejn bilfors kellna naħarbu. Konna sfurzati nagħmlu dan," tgħid Ghadeer.


Titkellem fuq kif kienet tqatta l-ħin qabel beda l-kunflitt.
"Kont inqus fis-sitta ta' filgħodu u nieħu l-kolazzjon. Kont inmur l-iskola u f'nofsinhar nirritorna lura lejn id-dar. Kont nagħmel ix-xogħol marbut mal-iskola u wara kont inmur jew nilgħab mal-ħbieb jew kien ikollna xi laqgħat tal-familja. F'kelma waħda kienet ħajja normali. Forsi matul il-ġimgħa, ħajjitna ma kinitx daqshekk eċitanti. Imma fi tmiem il-ġimgħa kien jinbidel kollox.  Konna nmorru r-razzett u fih kienet tiltaqa' l-familja kollha. U ma kellniex familja żgħira.  Kull ġimgħa xi ħaġa differenti.  Kien hemm l-għaqda tal-familja u ma kellniex problemi kbar. Għallinqas din hi l-impressjoni tiegħi, forsi għax kont tifla żgħira u problemi ma' kontx naf x'inhuma. Ir-razzett kien jikkonsisti f'binja sabiħa, siġar, ftit annimali u pixxina. Kien il-post ta' rilassament tagħna."

"Missieri kien jaħdem f'post sensittiv"

Ghadeer tgħidilna li "f'Damasku l-kunflitt ma nħassx mill-ewwel. Meta bdejna nisimgħu bil-kunflitt ir-reazzjoni tiegħi kienet waħda newtrali.  Il-ġenituri ippreferew jibqgħu kalmi. Ma ridux jidħlu f'inkwiet.  Dejjem segwejna dak li kien qed jiġri b'ċertu distanza.  Biss kollox inbidel f'daqqa waħda. Missieri kien jaħdem bħala inġinier f'qasam sensittiv.  Kien jaħdem mat-telefonija u komunikazzjoni. Il-pressjoni u l-periklu beda jiżdidilhom. Darba minnhom ġie u ordnalna li se jkollna nitilqu. Biex inkun onesta jien kont ħadt gost b'din id-deċiżjoni. Veru kienet xi ħaġa ta' dwejjaq li se nħalli lil ħbiebi u kollox warajja, imma l-ħsieb kien dejjem li se nirritornaw lura.  Kont ferħana għax qalilna li se nirkbu il-ferrovija u li se nivvaġġjaw u se naraw dinja differenti.  Bdejt  naħseb li se niltaqgħu ma' persuni differenti. Kont tifla u ma stajtx nifhem. Bdejt nara biss l-avventura tal-ivvjaġġar". 

"Kellna nitilqu fi żmien 48 siegħa. Ħallejna kollox warajna.  Illum ngħid li dak il-vjaġġ twil għallimni ħafna u ġabni adulta ta' età żgħira. L-uniku affarijiet li ħadna kienu id-dokumenti u xi ħwejjeġ x'nilbsu. Ħadna ukoll il-Koran u xi ġojjellerija ta' ommi. Ma kellhiex ħafna għax kienet diġa biegħet ħafna ġojellerija qabel. Minn Damasku tlaqna lejn l-Eġittu. Morna bl-ajruplan. Morna hemm għax kien l-uniku pajjiż li kien iħalli persuni Sirjani jivvjaġġaw mingħajr il-bżonn li jkollhom visa. Ma kinitx faċli tidħol l-Eġittu. Kellna nħallsu l-flus biex iħalluna għaddejjin mingħajr problema. Lanqas temmen!. Jekk ma tħallasx kienu jaqilgħulek problemi kbar u li inti żgur ma tkunx ħsibt li se jinqalgħu", tkompli tgħid Ghadeer.

"Fl-Eġittu ma konna nafu l-ħadd. Mill-ajruport morna dritt ngħixu ġo lukanda fejn domna tlett ijiem. Mill-Eġittu ivvjaġġjan lejn il-Libja. Irrid ngħid li dan hu l-agħar pajjiż li sa issa mort fih. Tal-biża. Missieri kellu neputi li kien jgħix il-Libja. Mill-Eġittu qbadna karozza lejn il-Libja. Din tinkera b'xufier magħha u tiħdok il-Libja. Il-vjaġġ ġie jiswa $400."

Il-ħajja fil-Libja kienet tal-biża' 

Fil-Libja sibna dinja oħra. Totalment differenti. Timmaġina lilek innifsek ġo gaġġa? Hekk konna għax hemmhekk ma kinux jeżistu regolamenti. Fil-bidu qgħadna fl-appartament tan-neputi ta' missieri. Fih kienu jgħixu aktar minn għaxar persuni. Magħhom żdiedu ħamsa oħra f'daqqa waħda bil-familja tagħna. Wara ftit jiem il-ġenituri tiegħu bdew ifittxu biex jikru appartament. Wara 20 ġurnata sabu appartament fi Tripli. Ommi sabet ukoll impjieg u bdiet taħdem. Bdejna nippruvaw nidraw din il-ħajja ġdida, nazzarda ngħid tal-biża. Fil-bidu qisu kollox kien sew iżda l-affarijiet malajr bdew jinbidlu għall-agħar. Il-Libja ma kinitx il-post li fih stajna ngħixu kuntenti u fil-paċi. L-edukazzjoni ma kinitx tajba u missieri ma setax isib impjieg. Fittex fuq li fittex għal xogħol. Kien lest jagħmel kollox imma baqa' ma sabx impjieg. Il-ġenituri iddeċidew li nitilqu mil-Libja".


Ghadeer tgħid li "ma kinitx deċiżjoni faċli. Ma konniex nafu x'hemm jistenniena. Il-vjaġġ kellu jkun bid-dgħajsa. Meta titkellem ma' barranin fil-Libja mill-ewwel isemmulek il-vjaġġ bid-dgħajsa lejn l-Ewropa. Mhu diffiċli xejn biex tkun taf kif se taqbad id-dgħajsa lejn l-Ewropa. Is-Sirjani fil-Libja kienu jitkellmu fuq il-vjaġġi bid-dgħajsa u anke il-Libjani.  Organizzawna fi grupp u qalulna biex nistennew f'post partikolari biex jiġbruna minn hemm. Ara taħseb li se taqta' biljett u taqbad id-dgħajsa. Domna 34 jum nistennew u nippruvaw sakemm finalment qbadna id-dgħajsa. Meta ġabruna ħaduna f'post qisu razzett. Kien mimli nies. Terribbli fejn konna. Nies armati. Mafja. Tal-biża'. Jgħajtu miegħek u jhedduk. Ikel mill-inqas ftit għaġin u ross. Mhux biżżejjed u tibqa' bil-ġuħ. In-nisa kienu jkunu trattati ħażin ħafna. Nittama li qed nifhimni. Nieqaf hawn għax lanqas niftakar aktar ma rrid."


Tkompli tgħidilna li "waslet il-ġurnata li kellna naqbdu din id-dgħajsa. Kellna nistennew għax sibna li min organizza l-vjaġġ ma kien ipprepara xejn. Normalment kienu jaraw it-temp kif se jkun, ir-rondi tal-Pulizija u affarijiet simili. Meta wasalna fix-xatt ħadna xokk. Flok dgħajsa sibna dinghi mhux minfuħ. Bdew jippruvaw jinfħuħ. Wara ftit tentattivi indunaw li dan kien imtaqqab. Kienet nasba li ġiet organizza apposta. Filfatt ftit wara ġiet klikka ta'nies b'basktijiet suwed. Talbuna il-mowbajs, il-ġojellerija u l-flus kollha li kellna.  Qalulna li mhux se jkollna bżonn dawk it-tip ta' flus għax fl-Ewropa jużaw flus differenti. Qalulna li anke l-mowbajls problema. In-nies beżgħu u bdew jagħtu kollox. Wegħduna li l-mowbajls kienu se jingħataw lura hekk kif naslu x-xatt fl-Ewropa. Tawhom kollox. Minn hemm qabduna u ħaduna lura lejn ir-razzett. Kien hemm diżappunt kbir fost in-nies. It-trasport lura kien fi trakk miftuħ. Kulħadd kellu jimtedd fil-kaxxa tat-trakk fuq xulxin.  Fuqna tefgħu biċċa kanvas kbira biex ma nkunux nidhru."

Kont kważi waqajt minn fuq id-dinghy, missieri salvani

"Fit-tieni tentattiv li sar ħaduna b'karozzi tal-linja lejn ix-xatt. Inżilna u daħħluna f'qisu post taħt l-art. Stennejna hemm. Ġara li ġew xi nies xurbana, faqgħu l-bieb. Dawn bdew jiġġieldu mal-irġiel li kien hemm jistennew. In-nisa bdew iwerżqu u jgħajtu minħabba l-ġlied li inqala'. Wara ftit ħin qalulna li ma l-vjaġġ ma kienx se jsir. Fit-tielet tentattiv il-vjaġġ sar u dan kien permezz ta' dinghi. Abbord dan id-dinghi kien hemm 52 persuna fosthom 12 tfal. Il-vjaġġ kien iebes ħafna u mhux sigur. Għamilna 37 siegħa bejn sema u ilma. Minn moħħi kien għaddej biss ħsieb wieħed - dak li se nmutu mgħarrqin. Il-ħwejjeġ tagħna kienu mwarrbin għasra bil-fjuwil għax kien hem diversi landi tal-fjuwil abbord. Fuq id-dinghi aħna tpoġġejna bilqiegħda fuq it-tarf, sieq ġewwa d-dinghy u sieq oħra lejn il-baħar. Bil-lejl kont għajjiena ħafna. Bdiet tmur għajni biha. Bdilt il-pożizzjoni ta' kif kont qed noqgħod bil-qiegħda u dan biex inkun ftit aktar komda. Imma kien kollu għalxejn. Jien kont bejn ommi u missieri.  F'ħin minnhom irqadt u kważi waqajt il-baħar. Missieri imma rnexxielu jżommni. Dak il-ħin qomt u kont ixxukkjata. Bkejt fuq li bkejt. Kienet xi ħaġa tal-biża'. Ma nistax niddeskriviha."

Ghadeer tgħidli li l-vjaġġ sar f'Ottubru tas-sena 2013, ftit wara li fil-Mediterran kienet seħħet traġedja kbira ta' persuni Sirjani li għerqu waqt il-vjaġġ. Tgħidilna li "fuq id-dinghy kien hemm xi ikel ħafif."


"Meta ġejt salvata ma ħassejt ebda emozzjoni"

Ma stajniex ma nistaqsuhiex x'ħasset meta rat fil-viċin id-dgħajsa ta' salvataġġ. Għadeer tgħidilna li "se nkun onesta. Ma ħassejt ebda emozzjoni. Jekk tistaqsini għaliex ngħidlek ma nafx. Ma kelli ebda eċitament li ġejna salvati. Ftit li xejn tajt każ. Naf li l-ewwel li waslu biex isalvawna kienu l-militar Taljan. Ommi kienet li ċemplitilhom għax hi biss kienet taf titkellem sew bl-Ingliż. Il-kuntatt ma sarx bil-mowbajl imma b'telefon bis-satellita. It-Taljani salvawna u ħaduna fuq bastiment ieħor li kien tal-Forzi Armati ta' Malta. F'Malta ħaduna f'Ħal Far, fil-villaġġ tat-tined. Ngħid li anki hawn l-ħajja għalina ma kinitx tajba. Ma konniex imdorrijin f'din it-tip ta' ħajja. Il-kabina kienet żgħira ħafna u tojlits kienu l-bogħod u ftit għall-ammont ta' persuni li kien hemm.  Misħun ma kienx ikun hemm. Kien hemm ħafna persuni Afrikani jgħixu hemm li kienu dħulin imma kollha irġiel. Ftit bogħod minnha kienu qed jgħixu s-Sirjani li salvaw mit-traġedja ta' Ottubru tas-sena 2013, traġedja li ħalliet ħafna mejtin. Xi wħud minnhom konna nafuhom. Għaddew minn trawma kbira. Spiċċaw fil-baħar dawk. Kellhom storja tal-biża. F'Ħal Far kont imdejqa ħafna. Kollox kien qed idejjaqni. Ridt li nmur lura. Ma kellix aktar tama.  Il-ġenituri kienu qed jgħiduli li kollox se jkun sew u kemm il-darba għamlu apoloġija".


Dwar il-ħajja f'Malta tgħidilna li "kont inmur skola fil-Kulleġġ Santa Margherita. Tgħallimt l-ilsien Malti  f'qasir żmien u għadni nitkellmu sa llum. Il-lingwi inħobbhom ħafna.  L-iskola ħajti ma kinitx faċli imma kont nieħu gost. Kien hemm xi tfajliet li kienu jaqbdu miegħi. Kienu jkunu goffi miegħi. Mhux ibbuljar għax ma kienu jaslu sa hemm. Imma qisu ma kontx ġejt aċċettata minnhom. Il-kap tal-iskola dejjem kienet tinsisti li niġi milqugħa u li jimxu miegħi sew.  Hemmhekk kelli ħabiba u din kienet tkun dejjem miegħi. Maż-żmien imbagħad kellu ħafna ħbieb għalkemm kien hemm min baqa' ma jirrispettanix. F'Malta qattajna disa' xhur. Il-ħin hawn kont ngħaddih l-iskola u wara noħorġu. Togħġobni ħafna l-ħajja f'Malta. Inħoss ħafna in-nuqqas tagħha u n-nies b'mod ġenerali kienu laqgħuna. Il-post l-aktar favorit miegħi kien Marsaxlokk."

Malta hi t-tieni dar tiegħi, illum ommi u missieri qed jitgħallmu l-Ġermaniż

Għadeer tgħidilna li "ommi u missieri kienu reġgħu iddeċidew li jippruvaw jagħmlju pass ieħor. Dejjem kienu joqogħdu attenti li jġewsu kemm jistgħu fil-flus biex mal-iċken opportunità nivvjaġġaw mill-ġdid. F'Malta kemm ommi u kemm missieri kienu sabu xogħol. Missieri kien jaħdem ma' Sirjan ieħor u kien jagħmel xogħol konness ma tibjid tad-djar. Minn Malta vvjaġġajna lejn l-Italja, billi l-ewwel morna Sqallija, Napli, Verona u Milan. Minn hemm morna lejn Munich fil-Ġermanja. Il-fatt li kelli nitlaq minn Malta ħassejtha ħafna. Kienet daqqa oħra. Kelli ħafna ħbieb hawn imma bqajt f'kuntatt magħhom. Irrid nerġa' ngħix u nittama li mhux fil-bogħod. Malta hi t-tieni dar tiegħi.

"Irrid ngħid li jien m'iniex Sirjana. Dan għax n-nanniet tiegħi kienu ħarbu mill-gwerra tas-sena 1948 u sabu rifjuġju fis-Sirja. Aħna Palestinjani. Mill-ħajja fil-Ġermanja ma ngergirx.  Ma nistax ngħid li l-ħajja mhix tajba u li m'inix kuntenta. Il-probema hi li l-ġenituri tiegħi ma sabux xogħol. Issa qed jitgħallmu l-Ġermaniż. Il-Gvern jagħti għajnuna anki dik finanzjarja imma mhux sodisfatti biha".

Nistaqsiha jekk qattx tikkonsidra li tmur lura lejn is-Sirja ovvjament meta jkun hemm waqfien mill-ġlied. Ir-risposta tagħha ttihielek bla tlaqliq. "Le. Ma rridx inmur lura. Ma rridx li nerġa' nibda mix-xejn mill-ġdid. Hemmhekk ma fadalli xejn."


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home