Friday, September 2, 2016

Kariga Sirjana 'ineżistenti' fil-Libja

Il-ġurnal L-ORIZZONT fir-rapport tal-lum qal li wara li fl-aħħar jiem urejna kif kards li kien qed iqassam is-Sirjan Khaled Ben Nasan  lil persuni Libjani f'Malta, fejn bihom kien juri li allegatament qed jirrappreżenta ministeri jew entitatjiet governattivi fil-Libja kienu dubjużi għall-aħħar, issa ninsabu f'pożizzjoni nikkonfermaw li kariga Sirjana li qal li għandu fil-Libja hi ineżistenti. Khaled Ben Nasan hu l-persuna li għamel allegazzjonijiet fuq visas mediċi lil Libjani. Mhux hekk biss minn L-ORIZZONT jinsab f'pożizzjoni li juri li anke kards b'informazzjoni dwar kuntatti li kellu fis-Sirja kollox qed jindika li huma allegatament foloz. 
Fl-aħħar jiem għamlu kuntatt ma' L-ORIZZONT grupp ta' Sirjani li fil-pussess tagħhom kellhom kard li ngħatat lilhom minn Khaled Ben Nasan, il-persuna li ħareġ bl-allegazzjonijiet marbutin mal-ħruġ ta' visas mediċi lil persuni Libjani biex jiġu Malta.  Is-Sirjani għamluha ċara li l-kariga ta' 'Chief Adviser of General Staff (Free Syrian Army) fil-Libja, pajjiżi Għarab u fl-Ewropa, fil-Libja allegatament ma teżistix. 


Dawn is-Sirjani għamlu ċara li dawn il-kards mqassmin huma allegatament foloz u mhumiex awtentiċi.  Fi kliemhom stess, l-arma tal-Armata Ħielsa Sirjana  li tidher fuq il-kards imqassmin minn Nasan hi totalment differenti minn dik attwali tal-Armata Ħielsa Sirjana. L-istess Sirjani spjegawlna li fl-arma oriġinali tal-Armata Ħielsa Sirjana hemm tlett stilel u mhux waħda kif hemm fl-arma fuq il-kard imqassma minn Nasan.  L-istess Sirjani qalulna li "hemm dettal ieħor importanti li min mhux midħla ta' din l-armata jista' ma jagħtix kasu imma hu dettal sinifikanti. L-ajkla fl-arma tal-Armata Ħielsa Sirjana taraha tħares lejn ix-xellug waqt li dik li hemm fuq il-kard ta' Nasan tħares lejn il-lemin.
L-istess Sirjani qalulna li apparti dan waqt li l-arma fuq il-kard ta' Nasan hi sewda bi ftit aħmar, dik awtentika għandek ġewnaħ li hu iswed, ġewnaħ ieħor aħdar, waqt li fin-nofs hemm il-bandiera Sirjana.

L-ORIZZONT għandu ukoll konferma minn sorsi Libjani fi Tripli li m'hemm ebda fergħa tal-Armata Ħielsa Sirjana fil-Libja. 
Fuq il-kard ta' Nasan jingħad li din l-armata għandha fergħat fil-Libja, l-Ewropa u f'pajjiżi Għarab. 

Sadanittant ftit sigħat wara li L-ORIZZONT irċieva risposta mir-rappreżentant tal-Gvern Libjan fi Tripli dwar kards imqassmin mis-Sirjan u l-awtentiċita tagħhom fejn dan esprima d-dubji tiegħu, fuq sit soċjali beda jitqassam materjal  li dan is-Sirjan kien mhedded u li anke sar rapport lill-Pulizija.



Min jikxef il-verità ħaqqu protezzjoni mhux theddid
- Beppe Fenech Adami



Intant il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami  fi stqarrija qal li "dak żvelat minn The Malta Independent  jiġifieri li l-persuna li qed tikxef il-verità dwar l-iskandlu tal-ħruġ tal-visas mediċi lil persuni Libjani, rċieva theddid dwar il-ħajja ta’ wliedu, huwa mhux biss gravi, iżda att faxxist. Il-Gvern li jiftaħar li daħħal il-liġi tal-whistleblower, fl-istess ħin qed jippermetti li bniedem li qed jikxef id-dettalji ta’ skandlu ta’ korruzzjoni maħdum f’Kastilja, jiġi mhedded, tant li anke l-ħajja ta’ wliedu tinsab taħt theddida. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-persuna li qed tikxef il-korruzzjoni f’dan l-iskandlu għandha tingħata l-protezzjoni kollha meħtieġa mill-Pulizija. Kemm il-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali għandhom ukoll jieħdu l-passi dwar dawn l-allegazzjonijiet bla aktar dewmien."

Tenna li "kif qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, post il-kriminali huwa l-ħabs u mhux f’Kastilja. L-aħħar żviluppi żvelati llum, ikomplu jikkonfermaw kemm pajjiżna għandu bżonn jiknes il-kriminali mill-poter, biex il-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jibda jħossu sigur, bla biżà li jekk jikxef il-korruzzjoni, jiġi mhedded b’ħajtu."



Simon Busuttil irid jostor il-verità
    - il-Partit Laburista 



Minn naħa tiegħu l-Partit Laburista irreaġixxa għal dan u qal  li Simon Busuttil qed jipprova jidher ta’ xi ħadd li jrid jippontifika fuq liġi li daħħal dan il-Gvern u li hu flimkien mal-Gvern li kien jagħmel parti minnu, irreżista għal 25 sena milli jdaħħal. Intqal li tajjeb li wieħed ifakkar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni hu l-uniku Mexxej ta’ partit politiku li ried u prova jostor il-verità milli toħroġ permezz ta’ protest ġudizzjarju waqt li kien qed jinstema’ l-każ xogħol għal voti  f’Għawdex.

 Il-Partit Laburista qal li "l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux xiber wieħed ta’ kredibiltà meta waqt li l-Whistleblower kien qed jixhed fil-Qorti dwar każ skandaluż li fuqu m’għamel xejn, prova jagħmilu sarima ma’ ħalqu u jintimidah. Qal ukoll li d-differenza dan il-Gvern jaġixxi fuq il-każijiet li jkollu quddiemu, tant li huwa stess daħħal liġijiet li jiskrutinaw ħidmietu meta seta’ għamel bħal ta’ qablu u m’għamel xejn. Dik hi d-differenza bejn min jipprova jgħallem lil ħaddieħor fuq xi ħaġa li jkun weħel minnha diversi drabi, u min bil-fatti ma jħares lejn wiċċ ħadd."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home