It-traġedja MH17: Il-missila kienet sparata minn territorju kkontrollat mir-ribelli
'Erġajt għixt il-ġurnata tat-traġedja bl-uġiegħ
u n-niket kollu….importanti li nafu min wettaq dan"
"Erġajt għixt il-ġurnata tat-traġedja bl-uġiegħ u n-niket kollu. Imma importanti li nafu min wettaq dan. Issa nistennew l-ismijiet". Dan iddikjaratu omm ta' passiġġier vittma fuq it-titjira MH17 ftit ħin wara li l-investigaturi ppubblikaw ir-rapport tagħhom.
Prosekuturi internazionali li kienu qegħdin jinvestigaw it-traġedja tat-titjira tal-ajruplan ta’ Malaysia Airlines, MH17, li ġġarrfet fil-Lvant tal-Ukrajna fl-2014 qalu li l-missila tal-għamla “Buk” li ntużat biex jitwaqqa’ l-ajruplan kienet ġejja mir-Russja.
Il-298 persuna li kienu abbord l-ajruplan tat-tip Boeing 777 mietu hekk kif dan inqasam f’diversi biċċiet matul it-titjira li minn Amsterdam kellha tieħdu Kuala Lumpur.
Robby Oehler, li n-neputija tiegħu kienet fost dawk abbord l-ajruplan, f’kummenti lil aġenzija tal-aħbarijiet qal li l-prosekuturi saħqu mal-qraba tal-vittmi li kienu se jinvestigaw madwar 100 persuna b’rabta ma’ dan l-inċident.
Huwa kompla jgħid li l-prosekuturi kienu tal-fehma li l-missila kienet ġiet sparata minn territorju li kien ikkontrollat minn ribelli li kienu favur ir-Russja.
It-tim ta’ prosekuturi huwa magħmul minn prosekuturi ġejin mill-Olanda, l-Awstralja, il-Belġju, il-Malażja u l-Ukrajna.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home