"Laqgħa qasira ma' Madre Tereża ħalliet marka fuqi"
- Dun Ġwann Sultana
Fl-aħħar jiem rajna il-kanonizazzjoni ta' Madre Tereża. F'pajjiżna mhumiex ftit dawk li xi darba iltaqgħu magħha, min fi żjara li hi kienet għamlet f'pajjiżna u min għax iltaqa' magħha f'Ruma jew fl-Indja. Li forsi ftit jafu huma li waħda mis-sorijiet li Madre Tereża kienet isserraħ ħafna fuqha kienet Maltija. Din kienet meqjusa bħala l-ispalla tagħha. Filftt meta Madre Tereża kienet tkun imsiefra, il-Kongregazzjoni kienet titmexxa minn din is-sorru Maltija, Sr Frederick.
Fost dawk li iltaqa' għal mument qasir ma' Madre Tereża hemm Dun Gwann Sultana. Fi kliemu stess, "dik il-laqgħa qasira ħalliet marka fuqi għal ħajti". Dun Ġwann Sultana f'kummenti lil inewsmalta.com dwar il-kanonizazzjoni ta' Madre Tereża u l-laqgħa li kellu magħha qalilna li "l-ġrajja tal-Kanonizazzjoni ta’ Madre Tereża ġeddedt fija memorja tal-laqgħa li kelli magħha nhar id-29 ta’ Awwissu 1992. Fid-Djoċesi ta’ Għawdex hija prassi li fil-kors ta’ formazzjoni għas-saċerdozju, fir-raba’ sena nagħmlu esperjenza barra minn Malta. Kont fil-bidu ta’ din is-sena intermedjarja li għaddejtha fil-Preseminario tal-Vatikan. Jien u Anton Grech (illum Dun Anton Grech, Missjunarju fil-Gwatemala) għamilna xi ġimgħat ta’ esperjenza ngħinu lis-Sorijiet tal-Karita’ (Missionaries of Mary ta’ Mother Theresa) fit-tqassim tal-ikel u kura tal-foqra fil-post li għandhom ġo Ruma ħdejn San Gregorio al Celio (wara l-Colosseum)." Jenfasizza li "darba fost oħrajn filgħodu, waqt li konna nqassmu l-ikel, is-soru qaltilna li kienet ġejja l-Madre. Intbaħna li kienet qed tirreferi għal Madre Tereża. Il-laqgħa tagħna mal-Mother ma kienitx xi waħda formali. Fis-sagħtejn ta’ wara nofinshar dħalna fil-kappella, nieqsa minn kollox għajr it-tabernaklu, artal u kurċifiss u hemm kienet hi miġbura fl-adorazzjoni flimkien ma’ sorijiet. Dan l-eżempju tagħha kien biżżejjed għalina. Fil-ħin tat-talb, is-sorijiet ta’ Therese jieqfu minn kull attività oħra u jitolbu quddiem l-Ewkaristija u l-kurċifiss bil-kelmiet “Għandi l-għatx".
Fi tmiem l-adorazzjoni Madre Tereża ħarġet fil-bitħa u laqgħetna. Tbissmet u ħadet pjaċir tismagħna ngħidulha li aħna Maltin u qed nitħejjew għas-saċerdozju. Il-kelmiet li kitbitli u ffirmat fuq santa huma l-istess kelmiet li tennitilna: “Kunu kollkom ta’ Kristu biss permezz ta’ Marija. Il-Mulej iberikkom.” Tatna kuruna tar-Rużarju u xi ftit domni u kompliet bl-impenji tagħha", itenni Dun Ġwann Sultana. Jgħidilna li 'kienet laqgħa qasira imma li ħalliet marka fil-ħajja tiegħi u ta’ Anton Grech. Kelmiet li akkumpanjawna fil-formazzjoni u fis-saċerdozju tagħna.
Nhar il-Ħadd li għadda fl-omelija tal-kanonizazzjoni, Papa Franġisku ippreżenta lil Madre Tereża bħala mudell għall-qdusija, dispensatriċi tal-Ħniena Divina, difensur tal-ħajja u l-imħabba anke bi tbissima waħda. Dan kollu minkejja li hi wkoll għaddiet mil-lejl mudlam tar-ruħ. Jien u int ukoll mistiedna nimxu fuq l-eżempju ta’ din il-qaddisa li rajniha b’għajnejna anke għal darbtejn f’Malta. Fuq kollox anke, llum il-qdusija hija possibbli."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home