Wednesday, July 29, 2015

 

 

 

 

 

 

Nofs ħajjitha tfittex ix-xogħol... sabet biss bibien magħluqin


Tagħmel kuntatt ma' post tax-xogħol partikolari u jgħidulha li għandhom bżonn in-nies. Tistaqsihom jekk hix meħtieġa l-esperjenza u jgħidulha li le. Il-fatt li bagħtu għaliha biex ikellmuha bl-għan li jimpjegawha, wassal għal ferħ kbir f'Jamesine Cachia ta' 32 sena, omm ta' żewġt itfal u persuna bi bżonnijiet speċjali. Wieħed jista' jaħseb b'liema eċċitament marret għal din il-laqgħa. Iżda kienet ferħa bla temma. 
"Kif rat il-kundizzjoni u d-dehra tiegħi  kif inhi, hi qaltli mill-ewwel li għandhom  bżonn lil xi ħadd ta' esperjenza. Għedtilha li fuq it-telefown qaluli li ma ridux lil xi ħadd bl-esperjenza. Wara sirt naf li impjegaw lil xi ħadd bla esperjenza. Iweġġgħuk dawn l-affarijiet," qaltilna Jamesine.
Jamesine hi omm ta' 32 sena, li għalkemm bi bżonn speċjali tikkomunika  tajjeb ħafna. Ilha snin tixtieq taħdem u ħabbtet ħafna bibien. Dawn iżda ngħalqu dejjem f'wiċċha. "Ilni nfttex xogħol mindu kelli sittax-il sena. Bqajt dejjem qatt ma sibt xogħol. Kif jaraw il-kundizzjoni tiegħi, jingħalqu l-bibien," tenfasizza Jamesine.
Quddiem din is-sitwazzjoni u quddiem il-fatt li ftit żmien ilu biss waqt li ġie organizzat taħriġ għalihom ġew infurmati li jidher li hawn sidien ta' kumpaniji li jidher li se jkunu qed jippreferu jħallsu l-multi flok iħaddmu persuni b'diżabilità, Jamesine qed tappella biex is-sidien ta' postijiet tax-xogħol qabel jiġġudikaw, jippruvaw lill-persuni bi bżonn speċjali. "Araw l-abbiltà qabel id-diżabilità," iddikjarat Jasmine.
"Għandi żewġt itfal jiddependu minni"
Tgħdilna li, "Ilni nfittex ix-xogħol is-snin u ma nistax insib minħabba id-diżabilità tiegħi. Dejjem insib bibien magħluqin jew jgħiduli li m'għandhomx bżonni kif isiru jafu li b'diżabilità. Jien nixtieq naħdem ħafna u għandi żewġt itfal jiddependu minni. Nixtieq nintegra fis-soċjetà, mhux għall-flus biss. L-appell tiegħi huwa biex jippruvawna qabel jiġġudikawna. L-abilitajet għandhom jiġu qabel id-diżabilità. Jien bħal ħaddiehor. Irrid naħdem. U persuna msejħa normali għaliex għandu jkollha dritt aktar minni?"
Ta' min jgħid li f'pajjiżna huma biss 5 fil-mija tal-persuni b'diżabilità li għandhom impjieg. Dan ifisser li 95 fil-mija ma jaħdmux. Il-persuni b'diżabilità b'impjieg jammonaw għal 1,450 u hemm 550 oħra li qed ifittxu impjieg - jiġifieri huma 2,000 il-persuni b'diżabilità li qegħdin f'impjieg jew ifittxu impjieg. Biss f'pajjiżna hawn 30,000 persuna b'xi forma ta' diżabilità u 20,000 persuna huma fl-età li jistgħu jaħdmu. Dan ifisser li hemm 18,000 persuna b'diżabilità li huma emarġinati.
Bejn is-sena 2004 u s-sena 2012 fejn jirrigwarda l-impjiegi ta' persuni b'diżabilità, wieħed isib li dawn naqsu flok żdiedu. Waqt li fis-sena 2004 kien hemm 1,472 persuna b'diżabilità b'impjieg, fis-sena 2012 dawn kienu naqsu għal 1,247 persuna. Minn 1,300 sid ta' post tax-xogħol, kien hemm 900 jew 71% li ma impjegawx persuni b'diżabilità magħhom. Dan minkejja li f'pajjiżna għandna  liġi li tgħid li kull post tax-xogħol irid ikollu 2 fil-mija tal-ħaddiema li jkunu persuni b'diżabilità. Din il-liġi kienet saret fl-1969.
Ftit xhur ilu l-Parlament iddibatta liġi li tgħid li "persuna li tonqos milli tosserva l-kwota stabbilita tintalab mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex tagħmel kontribuzzjoni annwali ta’ €2,400 għal kull persuna b’diżabilità li suppost tkun fl-impieg tagħha, sa massimu ta’ €10,000."
Tgħid ukoll li għas-sena 2015, il-persuna għandha tħallas l-ekwivalenti ta’ terz tal-kontribuzzjoni li għandha titħallas; matul is-sena 2016 l-ammont tal-kontribuzzjoni għandu jiżdied għal żewġ terzi tal-ammont li għandu jitħallas, u matul is-sena 2017 ikun japplika l-ammont totali tal-kontribuzzjoni li għandha titħallas.

'Jamesine messet il-qlub'…sabet xogħol wara ftit sigħat biss

L-istorja ta' l-omm bi bżonn speċjali li kienet ilha 16-il sena tfittex xogħol messet ħafna qlub, inkluż ta' għadd ta' sidien ta' postijiet tax-xogħol. Kienu diversi dawk li appellaw biex Jasemine ma tibqax tiġi ġudikata fuq id-diżabilità. 
Wara snin tħabbat il-bibien u ssibhom magħluqin, ftit sigħat wara li dehret l-istorja tagħha f'inewsmalta.com hi ingħatat impjieg.  Filfatt il-ġimgħa d-dieħla hi se tibda taħriġ għax-xogħol li ingħatat.  Wieħed jista' jimmaġina l-ferħ li ħasset Jamesine u l-familja tagħha.  Hi se tibda taħdem mal-kumpanja Inspectra. Il-kumpanja ġiet ringrazzjata talli rat l-abbiltà u mhux d-diżabilità.
Kien nhar it-Tlieta meta ltqajna ma' Jamesine u hi spjegatilna id-diffikultajiet u l-problemi li tiltaqa' magħhom kull meta tkun qed tfittex xogħol.
Jamesine hi omm ta' 32 sena, li għalkemm bi bżonn speċjali tikkomunika  tajjeb ħafna. Hi ilha snin tixtieq taħdem u ħabtet ħafna bibien. Dawn iżda ingħalqu dejjem f'wiċċha. "Ilni nfttex xogħol mindu kelli sittax il-sena. Bqajt dejjem qatt ma sibt xogħol. Kif jaraw il-kundizzjoni tiegħi, jingħalqu l-bibien", tenfasizza Jamesine.
Quddiem din is-sitwazzjoni u quddiem il-fatt li ftit żmien ilu biss waqt li ġie organizzat taħriġ għalihom ġew infurmati li jidher li hawn sidien ta' kumpaniji li jidher li se jkunu qed jippreferu jħallsu l-multi flok iħaddmu persuni b'diżabilita, Jamesine appellat biex is-sidien ta' postijiet tax-xogħol qabel jiġġudikaw, jippruvaw lill-persuni bi bżonn speċjali. 'Araw l-abbiltà, qabel id-diżabilità", iddikjarat Jasmine.
Kienet qaltilna li "ilni nfittex ix-xogħol is-snin u ma nistax insib minħabba id-diżabilità tiegħi. Dejjem insib bibien magħluqin jew m'għandix bżonn kif isiru jafu li b'diżabilità. Jien nixtieq naħdem ħafna u għandi żewġt itfal jiddependu minni. Nixtieq nintegra fis-soċjetà mhux għall-flus biss. L-appell tiegħi, biex jippruvawna qabel jiġġudikawna. L-abbilitajet għandhom jiġu qabel id-diżabilità. Jien bħal ħaddiehor. Irrid naħdem u persuna msejħa normali għaliex għandu jkollha dritt aktar minni?".
 minn inewsmalta.com








Tbatija kbira - iqabbdu dijżil biex insaħħnu - jieklu l-fdalijiet tal-ikel..

Għomor fuq il-baħar…… ….bdew b'inċident
ta' għarqa ta' bastiment


Għomorhom fuq il-baħar. Bdew minn meta kellhom biss ħmistax-il sena, b'avventura wara l-oħra uħud tajbin u oħrajn mhux daqshekk tajbin. Tbatija kbira, kemm f'dak li hu ikel, il-kwalità tax-xogħol u kundizzjonijiet ta' akkomodazzjoni fuq il-vapur kif ukoll biex jgħixu fuq l-ewwel bastiment li imbarkaw fuqu, liema bastiment spiċċa għereq. Ħafna drabi il-baħħar kien ikollu jgħix f'kundizzjonijiet kważi inumani fuq bastimenti u f'kundizzjonijiet iebsa tat-temp fejn ġieli biex taffew il-kesħa kienu jqabbdu ċraret imxarrbin fid-dijżil fil-gabina tagħhom. 'Temmen li ġieli kont niekol il-fdal tal-ikel li kien jifdal fil-borom u dixxijiet li jkun sajjar il-kok għall-ufficċjali?' L-ikel ma kienx l-istess għall-uffiċjali u l-ekwipaġġ. Lill-ekwipaġġ iż-żibel u loqom kienu jitimgħuna, qalillna Emanuel Grech.
L-ORIZZONT fl-aħħar jiem iltaqa' ma' Alfred u ma' Emmanuel, żewġ baħrin li għamlu għomorhom fuq il-baħar. Imma żewġ baħrin li bdew il-karriera tagħhom fuq il-baħar b'inċident ikrah li wassal biex bastiment spiċċa għereq. Din kienet l-avventura ta' erba' baħħara mill-Isla, Emanuel (Leli) Grech, Alfred (freddy) Christina u l-aħwa Emanuel (Leli) u Joseph (Joey) Galea.
Il-bastiment li kienu fuqu kien jismu 'Stassa' u għereq ilbarra minn Stornoway fl-iskozja. Ftit tal-jiem ilu, eżattament fil-15 ta' Lulju, din l-għarqa għalqet 49 sena.
 Bdejna nfittxu x-xogħol…..u
qalulna li jridu erba' 'deck boys'
Emanuel Grech jirrakkontalna li "konna d-Dwana fejn kien hemm l-uffiċċju tan-National Union of Seamen u fejn ta' kull filgħodu mit-Tnejn sal-Ġimgħa kienu jinġabru il-baħħara jistennew li jinqala' xi xogħol fuq xi bastiment biex jimbarkaw fuqu. Sirna nafu li riedu erba' 'Able Bodied Seamen (AB’s)" iżda peress li il-baħħara merkantili Maltin dejjem ippreferew jimbarkaw fuq bastimenti Ingliżi, aħna ngħidulhom tal-bandiera ħamra jew bastimenti tar-Royal Fleet Auxiliary (RFA) u peress li ma sabux AB’s ħadu u ingaġġaw lilna bħala deck boys. Morna bħala deck boys bla esperjenza ta' xejn. Deck Boy ikun għadu tifel u jitla' fuq il-baħar biex jitgħallem is-sengħa tax-xogħol fuq il-gverta (Deck) biex eventwalment wara disa' xhur esperjenza fuq vapur, kont tapplika għand ix-Shipping  Master biex joħroġlok dak li ngħidulu il- Ktieb tal-baħar (Seaman’s Discharges Book) u wara sentejn esperjenza jagħmel eżami biex iġib iċ-ċertifikat ta' 'Able Bodied Seaman (AB)'.  Dak iż-żmien meta timbarka ma' dawn il-kumpaniji il-paga kienet £20 fix-xahar. Konna Deck boys iżda kien ikollna nagħmlu kwalunkwe xogħol li jqabbadna il-kaptan, anki fl-engine room  lejl u nhar. Ma kienx hemm ħin".
Jgħidulna li 'kull tifel li ried jaħdem fuq il-baħar, kien jew jidħol it-tarzna mal-ħaddiema u jitla' abbord, jew imur ix-xatt tal-belt ħdejn l-uffiċċju tan-National Union of Seamen li aħna konna nsejħulu id-dwana  u nistennew forsi xi kaptan ta' xi bastiment fil-port jew xi aġent jitlob xi nies biex jimbarkaw jew induru l-aġenti. Jekk ma jkollokx karta jew ktieb tal-baħar kien diffiċli biex timbarka fuq l-ewwel bastiment. Kull żgħażugħ ikun irid li jakkwista din il-karta li turi li għandek 9 xhur esperjenza fuq il- baħar".
Dawn l-erba' baħħara Sengleani kienu bdew jaħdmu mal-kumpanija tal-vapuri  Griega Kolakis u imbarkaw  abbord il-bastiment “Stassa”. Alfred Christina qalilna li "din il-kumpanija kienet bdiet b'jott li kien jisma “Stasa”. Din kienet imsemmija għall-mara tas-sid. Kellna tbatija kbira għax bla esperjenza, ma' nies ta' nazzjonalitajiet differenti. Il-bastiment kienet f'kundizzjoni ħażina ħafna."
"Konna tfal. Fuq li “Stassa” kellna nuqqas ta' ikel, apparti ix-xogħol iebes u siegħat twal li konna imġiegħlin naħdmu. Għall l-ekwipaġġ l-ikel kien ikun jikkonsisti f'sardin jew għaġin filwaqt li l-kaptan u il-fizzjali kienu jieklu ikel tajjeb bħal-laħam, tiġieġ u ikel iehor. “Jien barra l-għassa fit-tmun u ix-xogħol tiegħi fuq il-gverta kont ngħin lill-kokijiet, naħsel u innaddaf d-dixxijiet, borom, il-platti u l-art tal-Galley (Kcina). Temmen li dak li kien jifdal fid-dixx kont nieklu fosthom ħobż niexef"?, jgħidilna Emanuel Grech.
Ikompli jgħid li 't-tbatija kienet għax ma kellniex esperenza ta' deck hands. Xogħlna kien li niftħu l-istivi, nerfgħu id-derka, u kull xogħol iehor li hu relatat mal-gverta. L-istivi  ma kienux bħal ta' llum jingħalqu u jinfetħu bil-hydaulic imma kienu jingħalqu bi planki ta' l-injam li konna nsejħulhom “Hatchboards” ta' madwar 8 piedi tul, 2piedi u nofs wisa u ħxuna ta 2 pulzieri u nofs li riedu jitneħħew u jitpoġġew waħda waħda kull darba li tiftaħ jew tagħlaq li stivi, kollox manwali. Qabel ma' l-bastiment issalpa mill-port fuq l-istivi kienu jitpoġġew ukoll tliet inċirajjet ħoxnin biex ma jidħolx ilma. Issa immaġina ġuvnotti ta' 15-il sena x'forza seta' kellna" u bla esperjenza. Kellek il-kundizzjonijiet tat-temp. Kellna l-problema tal-kesħa għax il-bastiment tant kien f'kundizzjoni ħażina li l-anqas sistema ta' sħana fil-kabini ma kellu".
Grech qalilna li  “Darba minnhom meta konna ġo Archangelsk fir-Russja biex ngħabbu tagħbija injam beda jfaqqa' s-silġ. Jien ġietni idea. Sibt kaxxa żgħira tal-metall minn dawk tal-OXO. Tfajna ftit ċraret imxarrbin bid-dijżil ġo fiha u qabbadnieh fil-gabina biex nisħnu. Ara kemm blajna tniggiż ġo fina" qal Grech bit-tbissima. "Konna għadna tfal. Jiddispjaċini ngħid li l-aġent jibagħtek u inti issir numru', itenni  Emanuel Grech.
"Bejna l-aventura tagħna billi minn Malta morna Katanja u minn hemm għal Ipswich. Minn hemmhekk salpajna għal Archangelsk fir-Russja. Waqafna u ħadna ż-żejt għall-boilers li kienu jipproduċu li steam li jħaddem il-magna u l-ġeneraturi. Għaddejna mill-Fjords. Ir-Russja domna ħafna għax kif wasalna kienu marrulna l-boilers. Blajna xi xahar sħiħ hemm f’kesħa xxoqq l-għadam b'temperatura ta' madwar 10 gradi. Ta' tfal li konna ġejna mqabbdin biex ninżlu nnaddfu l-boilers u nneħħu l-bricks minksurin minn ġol-fran tagħhom. Wara li isewwiet il-ħsara għabbejna l-injam. It-tagħbija kienet kemm ġo l-istivi kif ukoll fuq il-gverta. Aħna xogħlna kien li nagħlqu u niftħu l-istivi, kif ukoll nerfgħu u inniżżlu id-derka  meta tlestiet it-tagħbija, u nillaxxnaw (Norbtu u nissiguraw) it-tagħbija ta fuq il-gverta bi ħbula ħoxnin u bottlescrews. Tlaqna minn Archangelsk u suppost kellna naslu Limmerick l-Irlanda".
Alfred Christina qalilna li "darba fost l-oħrajn wara ġranet fuq il-baħar u meta sirna nafu li kien fadal tlett ijiem biex naslu Limmerick, rajt lill-kok jaqla' l-arloġġi tar-ram. Staqsjetu x'kien qed jagħmel u qalli “għax għada se naslu”. Jien għedtlu fadal tlett ijiem u hu beda jgħidli li “le'",  qal Christina.
Itenni li "fuq il-vapur kienu qishom familja, kollha kienu jiġu minn xulxin. Il-mara tal-Kaptan tiġi t-tifla tal-kok, iċ-Chief Mate jiġi mill-mara tal-kaptan, familja insomma. Dakinhar li ġara l-inċident tal-għarqa, Emanuel kien għassa fit-tmun mill-4.00 sat-8.00 ta' filgħaxija. Meta tlajt nibdlu għall-għassa tiegħi mit-tmienja ta' filgħaxija sa nofs il-lejl bdejna ngħidu kif qed naraw id-dawl, għax ma kienx suppost li qed naraw dwal peress li suppost konna bejn sema u ilma għax kien għad baqa' tliet ijiem biex naslu Limmerick. Ir-rotta li minnha kellu jgħaddi l-bastiment kienet inbidlet. Jien bdilt lil Emanuel u mort fuq it tmun inmexxi l-bastiment fuq il-korsa mogħtija lili minn Grech meta bdilna l-għassa. Ir-rotta  tkun mogħtijja lill-baħri ta' l-għassa mill-Kaptan jew fizzjal ta' l-għassa. Għall-ħabta ta' xi 10.00 ta' bil-lejl nara lill-kok, lill-kaptan u martu deħlin fil-wheelhouse. F'qalbi għidt kemm deħlin nies?. F'daqqa waħda ġie l-Kaptan fuqi u qalli “Alfredo, mur gib ħamsa kafe. Peress li jien kont qiegħed fuq it-tmun, għidt lill-kaptan li jien kont fuq ir-rota u ma kellix min jibdilni biex immur nagħmlilhom il-kafe. Qabżet il-mara tal-Kaptan qaltli li kienet se tieħu it-tmun hi. Jien għidtilha 'int?' Il-Kaptan qalli iva u jien mhux se nmerieh . Għedtilha il-korsa li konna għaddejjin fuqha u ħallejt it-tmun f'idejha biex immur nagħmlilhom il-kafe ".
Alfred Cristina jkompli jgħid li "jien bdejt nara ċertu għoljiet li mhux suppost kont qed narahom. Qabel konna qed naraw id-dwal iżda issa bdejna naraw l-għoljiet. Ġara li waqt li kont qed nagħmel il-kafe, u kont qed inpoġġihom fuq it-tilar, inħoss daqqa qisha ta' ħabta skoss kbar. Id-daqqa taqlibni u ttajjarli t-tilar. Tlajt niġri fuq u nsib il-bastiment wieqaf u apparantament fuq blata. Filfatt il-pruwa kienet fuq blata", jgħidilna Alfred.
"Jien ridt inmur nqajjem lil sħabi l-oħra" itenni Christina. Imbagħad Grech kompla u qalilna "Sħabna l-aħwa Galea, u jien ma stajniex noħorġu mill-gabina. Smajna d-daqqa u ħassejna l-iskoss mal-ħabta u qomna, għedtilhom oħorġu għax ġara xi ħaġa. Bid-daqqa li tant kienet vjolenti ġara li l-metall tal-passaġġ fejn kien hemm il-gabini ta' l-ekwipaġġ tgħawweġ jew imbaram b'mod li l-bieb tal-gabina iġġammja fiċ-ċaċċis. Li ma ġiex Freddy u sfronda l-bieb b'seratizz konna nibqgħu hemm; Kif infetaħ il-bieb qbadt is-Santa tar- Redentur u tfajtha fil-but u għedtlu issa għandek x'tagħmel ahna f’idejk", jgħid Emanuel Grech.
Alfred Christina jirrimarka li "lill-kaptan għedtlu li jien kont sejjer inqajjem lil sħabi. Hu beda jgħidli biex ma nippanikkjax għax mhux se nabbandunaw il-vapur. Bqajt ninsisti biex nmur għal sħabi. Eventwalment inżilt biex inqajjimhom u ngħidilhom x'ġara u sfrundajt il-bieb. Tlajt fuq u mort fuq il-pruwa biex naraw x'hemm taħt. Lili riduni naqbeż il-baħar biex nara kienx hemmx xi toqba. Ta żagħżugh li kont, kont qed nitħajjar naqbeż iżda Emanuel żammni u ma ħallinix naqbeż".
Emanuel Grech jiddikjara li "filfrattemp il-kaptan tefa' l-magna u għamel “Full Astern” (Reverse) f’attentat biex jaqla' l-vapur minn fuq il-blat kif filfatt ġara wara ftit tal-ħin. Meta ra li l-bastiment miexi b'lura reġa' tefa' il-magna full ahead (il Quddiem) u erġajna tlajna fuq il-blat meta imbagħad deher li l-vapur iċċarrat u beda dieħel l-ilma fl-engine room u anke nar kien hemm".
"Din għamluha għall-assigurazzjoni. Din il-kumpanja kien diġa kellha praspar qabel b'vapuri oħra li dak iż-żmien ukoll kienu maqbudin ġo Liverpool. Ġara li wara, il-kaptan minn fuq il briġġ ta l-ordni biex tintelaq  l-ankra. Meta l-vapur miel fuq naħa waħda, niżżilna d-dgħajsa ta' salvataġġ li kienet tal-injam u din wara ftit bdiet tegħreq bl-ammont ta' ilma li beda dieħel fiha.
Grech ikompli “Kif niżżilna d-dgħajsa jien inżilt fuqha. L-oħrajn baqgħu fuq. Biss ġara li beda dieħel l-ilma fiha u jien bdejt inbattal l-ilma b'barmil li inżerta kien ġo fiha. Kelli kitarra miegħi u l-kaptan qalli dik (għal kitarra) itfagħha l-baħar. Jien hekk għamilt. Aħna ta' tfal li konna bdejna nagħmlu kollox biex insalvaw  Fil-5.00 ta' filgħodu waslet dgħajsa minn Stornoway" bl-għajnuna tal-Mulej wasalna l-art. Ġew in-nies jilqgħuna u tawna xi kutri biex nissaħħnu bihom. Il-kaptan kien ġie jikkalmana. Ikomplu jgħidu li "meta inżilna l-art ġew pulizija biex jagħmlu inkjesta u li arrestaw lill-Kaptan".
Bid-daħka Alfred jgħidilna li "jien kxifthom li kellhom sigaretti moħbijin. Fil-fjords kienu jiġu dgħajjes tas-sajd u jtuhom is-sigaretti u affarijiet. Aħna ma konniex inkunu involuti imma konna nkunu nafu fejn qegħdin. Qabel inżilna Malta ridna nitħallsu mill-kumpanija u trasferewna lejn Glasgow. Għamilt stqarrija lil ta' Scotland yard tal-fatti kif ġraw peress li fil-ħin ta l-inċident jien kont il-baħri ta' l-għassa fit-tmun u l-kaptan kien spiċċa immanettjat. Kif rajtu hekk lil dawn għedtilhom arrestawh ja bagħal li hu. Wara ġiet il-mara tiegħu tistaqsina għalfejn għamilnielu hekk. Spiċċajna kellna ninżlu Malta 'overland' u naqbdu bastiment minn Katanja lejn Malta.
Staqsejhom jekk ikollhom jitwieldu mill-ġdid jaqbdux karriera fuq il-baħar, b'Alfred u b'konvinzjoni jgħid li “Nerġa' nmur inbaħħar, jekk jiġini ċans, l-għada nitlaq”. Emanuel Grech għandu fehma differenti. Jgħidilna li "jien id-dinja dortha. Imma fil-ħajja ta' baħħar titlef ħafna żmien minn ħajtek. Kelli vjaġġi twal bħal mill-Amerka għal Ġappun, vjaġġ li jdum 17-il ġurnata baħar. Inti tmur taħdem biex iġġib il-flus u tibgħat xi ħaġa lejn id-dar. Konna nmorru għall- għall-pagi. Insomma xi naqra konna niddevertu ukoll qalilna bi tbissima".
minn inewsmalta.com

Thursday, July 23, 2015

'Tagħtux ikla faċli lill-firien f'Kemmuna... ħudu l-iskart id-dar'

Kull min xi darba jew oħra jmur sa Kemmuna, ma jistax ma jinnotax ix-xtajtiet iffullati ta' din il-gżira. Minkejja l-ammont ta' reċipjenti ta' skart li hemm fil-post, sa tard waranofsinhar u filgħaxija dawn jispiċċaw mimlijin. Ir-riżultat ikun li wara li d-dgħajjes jieħdu lura lejn iċ-Ċirkewwa lil dawk li jkunu marru jgawdu l-baħar tal-Blue Lagoon, il-post jispiċċa impestat mill-ġrieden.
Il-ġrieden f'Kemmuna illum qed jheddu serjament il-ħajja ta' għasafar tal-baħar li jbejtu hemm, bħall-garni. Għasfur li jbid bajda waħda f'sena u qed ikun hemm każijiet fejn l-istess bajd jittiekel mill-ġrieden, kif jidher fil-filmat.
X'soluzzjoni hemm? Waħda mis-soluzzjonijiet hi dik li min imur fuq Kemmuna joħloq skart mill-inqas u li dak li joħloq jieħdu miegħu lura lejn daru u jiddisponi minnu hemm. Dan hu l-messaġġ li qed joħroġ minn filmat li ġie prodott bħala parti mill-proġett 'EU Life Malta Sea Bird Project'.
F'dan il-proġett, Ben Metzger u Steve R Williams iffilmjaw dak li jiġri fuq din il-gżira. Ma naqsux li jiffilmjaw il-firien ifittxu l-ikel qalb l-iskart u saħansitra far jipprova jiekol bajda ta' garnija.
Il-filmat, li sar għal Birdlife Malta, iħeġġeġ biex min imur Kemmuna ma jagħtix ikla faċli lill-firien.
Minn inewsmalta.com

Tuesday, July 14, 2015







Jekk ma nibqax naħdem il-Qoffa ta' Malta immut
  - John Mifsud ta' 88 sena


John Mifsud li ta' tlettax-il sena beda jaħdem il-qfief. Matul is-snin, il-qoffa ta' Malta baqgħet il-preferenza tiegħu. Illum jgħodd 88 sena, fejn 75 minnhom għamilha fix-xogħol tal-qfief.  John Mifsud mill-Ħamrun m'għandu l-ebda ħajra li jżarma, anzi fi kliemu stess, 'jekk nieqaf naħdem il-qoffa ta' Malta immut'.  F'dinja fejn il-plastik issibu kullimkien, il-qoffa ta' Malta xorta għad għandha suq għalkemm naqas. Imma John ma jonqosx li jsemmi li huma biss żewġ persuni anzjani li għadhom jagħmlu 'il-Qoffa ta' Malta'.  "Nispiċċaw aħna u tispiċċa l-Qoffa ta' Malta" jgħidilna John Mifsud.
Inewsmalta.com sab lil John Mifsud fil-wirja tal-Imnarja fil-Buskett, fejn ma naqasx li juri kif tinħadem il-Qoffa ta' Malta.
Meta tkellem magħna qalilna li "ilni naħdem f'din is-sengħa għal 75 sena. Illum għandi 88 sena.  Jien mietet ommi żgħira ta' 30 sena u dejjem niġri ma' missieri. In-naħa ta' missieri u n-naħa ta' ommi dejjem bil-qfief.  Mhux bilfors titgħallimha s-sengħa".
Nistaqsuh dwar l-andament tal-bejgħ tal-qfief u jgħid li "x-xogħol mhux ħażin. Ma ngergrux. Ma ngħidx li x-xogħol jinsab fil-quċċata. Jien pensjonant, għandi l-ħanut tiegħi u noqgħod hemm. U  daqqa jiġu n-nies u daqqa turisti dejjem għaddej. Jien id-dar ma noqgħodx. Għandi it-tifel f'dan il-qasam imma mhux fuq il-Qoffa ta' Malta. Jien fuq il-qoffa qiegħed. It-tifel kollox jagħmel minn għamara sa ħsajjar.  Dan, biex tagħmel il-qoffa trid  iddur rasek l-isfel. Il-qliegħ hu  żgħir".
Ikompli jgħid li "ħadd ma tgħallem f'81 sena kif issir il-Qoffa ta' Malta.  Bqajna żewġ anzjani biss. Immutu aħna u tintilef il-qoffa.  Nagħmlu l-Qoffa tal-Frawli, tat-tut u oħrajn. Hemm min jeħodha l-għalqa. Jehduha tat-trakkijiet tal-ġebel. Għadhom jiġu għaliha. Ikolli nies mill-Imġarr, Mellieħa u Ħaż-Żebbuġ li jgħiduli l-qoffa l-antika ta' Malta rridu".
Jiġi jurina idejh u l-marki li din is-sengħa ħalliet fuqhom.  "Jekk nieqaf minn dan ix-xogħol immut, għalhekk nibqa' għaddej sakemm inkun niflaħ", jiddikjara John Mifsud.  Minn L-ORIZZONT





'Għalina il-kelb tal-kaċċa hu prezzjuż'


Magħruf bħala "Pharaoh Hound".  Bil-Malta nafuh bħala l-Kelb tal-Fenek.  Kelb ta' razza Maltja iżda li kien ngħata dan l-isem minn dilettant tal-klieb Ingliżi.  Biss apparti l-Kelb tal-Fenek ta' Malta hemm razza oħra li hi unika għal Malta.  Dan hu l-Kelb tal-Kaċċa.  Bl-għan li l-kelb tal-kaċċa ta' Malta ma jsofrix id-destin tal-Kelb tal-Fenek li spiċċa ingħata isem mill-barranin, l-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) bdiet ħidma biex il-kelb tal-kaċċa  ta' Malta ikun rikonoxxut uffiċjalment u fil-fatt nbeda proċess minn veterinarji u professjonisti biex jagħmlu xogħol kemm xjentifiku kif ukoll ta' riċerka b'rabta mar-rikonoxximent tal-kelb tal-kaċċa. Fi kliem, id-dentist James Galea, 'għalkemm l-istudju li għamilna għadu fil-bidu, nista' nikkonferma li minn dan l-istudju jirriżulta li l-kelb tal-kaċċa ta' Malta hi razza pura u unika għall-gżejjer Maltin".
Fil-preżenza ta' għadd ta' sidien tal-klieb tal-kaċċa ta' Malta, l-FKNK organizzat konferenza stampa li fiha ingħataw dettalji dwar dan il-proċess.
Inewsmalta.com tkellem ma' Salvu li flimkien mat-tlett uliedu, kien fil-Buskett bil-klieb tal-kaċċa tagħhom.  Meta kkummenta ma' inewsmalta.com, Salvu qalilna li "kelb tal-kaċċa hu xi ħaġa prezzjuża għalina. Qed nippruvaw noħolqu r-razza tagħha. Jien ilni b'dawn il-klieb mindu kont tfal. Missieri kien bihom u jien bqajt miġbud lejn din ir-razza. Illum hawn ħafna razez imma din ir-razza hi  xi ħaġa tagħna l-Maltin. Kemm hawn minnhom ma nafux iżda f'dan l-aħħar żmien ħadu spinta għax kienu naqsu".
Nitkellmu ukoll ma' Kenzie, it-tifla ta' Salvu, li ma telqitx lil wieħed mill-klieb minn idejha. Kenzie tgħidilna li "għalija il-klieb huma importanti.  Iħobbuhom mhux għall-kaċċa biss, imma iħobbuhom minn qalbhom".
Id-dentist, Dr. James Galea  qal li "l-proċess kien jinkludi t-teħid ta' kampjuni ta' demm minn klieb ta' din ir-razza biex nistabbilixxu t-traċċi tal-ġenetika  biex b'hekk naslu biex nistabbilixxu standard għal dawn il-klieb.  Ikkollaborajt mal-veterinarju u kirurgu, Dr. Martin Debattista u t-tim tiegħu u tajna bidu għal dan il-programm. Minn riċerka li għamel il-kaċċatur veteran u membru onorarju tal-FKNK, Aldo Azzopardi, insibu l l-ewwel darba li kien issemma' l-kelb tal-kaċċa ta' Malta kien permezz ta' bandu mill-Gran Mastru Ximenes fl-1773.    Dakinhar il-Gran Mastru ippermetta li waqt il-kaċċa, l-kaċċatur seta juża l-kelb Malti 'Braque', jew aħjar kif nafuh illum bħala 'l-kelb tal-kaċċa ta' Malta'".
Tenna li 'sfortunatament ftit nafu kif din ir-razza żviluppat.  Madankollu, probabbilment, ir-razza tal-kelb tal-kaċċa ta' Malta hi aktar unika għall-gżejjer Maltin mill-kelb tal-fenek - li ukoll għandu rabtiet sodi mal-kaċċa fil-gżejjer Maltin.  Skop iehor tal-programm hu li l-kelb tal-kaċċa ta' Malta ikun rikonoxxut internazzjonalment.  B'hekk dawk li jnisslu l-kelb tal-kaċċa ta' Malta, eventwalment ikollhom il-poter li jsegwu programmi ta' tnissil b'sistema li tagħmel aktar sens".
Itenni li "l-ewwel pass fil-proċess kien li jkun determinat  jekk ir-razza kinitx  biżżejjed ġenetikament pura u distinta minn razzez oħra ta' klieb tal-kaċċa.  Għalhekk ġbarna kampjuni ta' demm minn għoxrin kelb u bagħtnihom il-laboratorju speċjalizzat barra minn Malta biex stajna nistabbilixxu t-traċċi tal-ġenetika fil-klieb. Mir-riżultati nistgħu nikkonkludu li r-razza tal-kelb tal-kaċċa ta' Malta hi ġenetikament pura u separata meta mqabbla ma' razez oħra ta' klieb tal-kaċċa.  Ir-riżultati juri li r-razza hi ġenetikament koerenti.  It-tieni passi tal-istudju pilota kien jinvolvi t-teħid ta' kejk morfometriku ta' l' fuq minn għoxrin kelb biex ikun stabbilit standard. Hu ta' interess partikolari li  mill-istudji sibna 'homogeniety' ta' morfometriċi varjanti, li jissudaw il-konklużjoni li l-kelb tal-kaċċa ta' Malta hu razza pura u unika. Għalkemm fadal aktar investigazzjonijiet x'isiru, nemmen li daqt naslu biex inwasslu r-razza unika tal-kelb tal-kaċċa ta' Malta għal rikonoxximent internazzjonali".
Minn L-ORIZZONT