Il-ġlieda kontra l-ISIS: Tliet bażijiet qrib Malta indikati bħala ċentru ta' tmexxija
Bil-Libja tibqa' ma tiffurmax Gvern ta' unità u għalhekk il-pjani biex ikun hemm intervent militari fil-Libja qed jinżammu lura, kollox qed jindika li tlett bażijiet qrib ta' Malta qed ikunu indikati bħala li se jkunu ċentru ta' tmexxija ta' dan l-intervent. Il-bażi ta' Sigonella, il-bażi ta' Trapani Birgi u Pantellerija se jkunu użati biex minnhom jiġi kkordinat dan l-intervent. Fl-aħħar jiem kienu diversi dawk ir-rapporti li indikaw li ta' kuljum minn żoni fi Sqallija qed jittajru ajruplani ta' spjunaġġ li qed jaraw u janalizzaw żoni fil-Libja.
Rapporti mill-Italja qed jgħidu li Sigonella se tkun qed isservi bħala
bażi għall-ajruplani ta' spjunaġġ u ta' trasport, dak ta' Trapani se
jservi lill-ajruplani militari Taljani u dawk ta' pajjiżi oħra, waqt li
f'Pantellerija se jkun hemm il-helikopters imponenti Ch46.
Fi Trapani apparti ajruplani militari, ftit jiem ilu ġew stazzjonati erba' ajruplani tat-tip Amx.
Ta' min jgħid li fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Matteo Renzi ċaħad
dak li kien suġġerit mill-Ambaxxatur tal-Istati Uniti f'Ruma li l-Italja
tista' tibgħat sa 5,000 suldat fil-Libja. Fi kliem Renzi,
il-kundizzjonijiet fil-Libja għadhom mhumiex adatti biex isir intervent
militari. Renzi kien qed iwieġeb il-kummenti li għamel l-ambaxxatur John
Philips mal-ġurnal Corriere della Sera. L-ambaxxatur Philips iddikjara
li, "Irrid li Tripli tkun sigura u niżguraw li l-ISIS ma tkunx tista'
tattakka".
L-Italja qed taħdem flimkien ma' pajjiżi oħra tal-Punent u
n-Nazzjonijiet Uniti biex tikkonvinċi liż-żewġ gvernijiet Libjani biex
joħolqu gvern ta' unità u b'hekk jibdew jiffukaw kif se jikkumbattu
l-Istat Iżlamiku.
Bi Franza tagħmel titjiriet ta' sorveljanza, qed ikun rappurtat li
fil-Libja hemm forzi speċjali tal-Istati Uniti, Franza u anke tar-Renju
Unit. Uffiċjali Taljani kienu rrappurtati jgħidu li l-Italja bagħtet
xejn inqas minn 40 aġent sigriet fil-ġimgħat li għaddew u magħhom hemm
50 suldat speċjali.
Biss, l-Italja qed tirreżisti l-pressoni biex tħalli ajruplani u drones
armati fuq it-territorju tagħha biex dawn jattakkaw l-Istat Iżlamiku
fil-Libja. Qed ikun rappurtat minn diversi mezzi tal-midja li l-Italja
qed tipprova tikkonvinċi lil dawn il-pajjiżi biex jillimitaw l-azzjoni
tagħhom sakemm ikun hemm gvern ta' unità fil-Libja.
Irid jingħad li Sabratha hi waħda mill-ibliet Libjani li nħakmet mill-militanti tal-Istat Iżlamiku.
Ritratti Ian Noel Pace
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home