Saturday, April 2, 2016

Proposti dwar sigurtà fil-bypass ilhom minn Ottubru quddiem Transport Malta


Is-Siġġiewi lbieraħ qam maħsud hekk kif tfajla ta' 31 sena, Lourdann Psaila bint familja mis-Siġġiewi, mietet f'inċident ikrah tat-traffiku fil-bypass tas-Siġġiewi fil-lejl ta' bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa. Diversi Siġġiewin li tkellmu ma' inewsmalta.com saħqu fuq il-bżonn li jkun hemm miżuri ta' sigurtà f'dan il-bypass biex jonqsu l-inċidenti. inewsmalta hu infurmat li lura f'Ottubru li għadda l-Kunsill Lokali bagħat proposti lil Transport Malta dwar x'jista' jsir f'din il-bypass biex jonqsu l-inċidenti.  Il-Kunsill għadu qed jistenna risposta mingħand Transport Malta.
Intant dwar il-mewt ta' Lourdann, ħuha Maurizio  Psaila kiteb fis-sit soċjali tiegħu li "Mhux ħa narak aktar oħt.  Se tħalli vojt kbir f'ħajti u fid-dar. Inħobbok għal dejjem. Nemmen li għad nerġgħu niltaqgħu. Mhu se ninsik qatt".  
Kollox seħħ għall-ħabta tal-10.00 ta' filgħaxija fi Triq Monsinjur Mikiel Azzopardi.  It-tfajla kienet qed issuq lura lejn id-dar tagħha li tinsab f'Ta' Kandja.  Jidher li għal xi raġunijiet li għad iridu jkunu stabbiliti, it-tfajla tilfet il-kontroll tal-vettura u baqgħet dieħla b'impatt qawwi f'arblu.  Il-karozza spiċċat laqtet karozza oħra li kienet ipparkajata fl-istess triq.  Wara ħabtet ukoll ma' ċint. 
Bil-karozza tispiċċa kważi f'nofs it-triq, ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili  kellhom  iqattgħu partijiet mill-karozza biex setgħu joħorġuha minn qalb it-tifrik.
Immedjatament it-tfajla ittieħdet fl-Isptar Mater Dei fejn irriżulta li kienet fil-periklu tal-mewt. Hi mietet ftit sigħat wara. 
Tfajla li se tibqa' mfakkra għat-tbissima tagħha
inewsmalta.com tkellem ukoll ma' diversi żgħażagħ Siġġiewin li kienu għadhom lanqas iridu jemmnu bil-mewt ta' Lourdann. 
"Niftakarha tgħid li li tidħak hi l-isbaħ ħaġa fid-dinja", qaltilna waħda minn sħabha waqt li bdiet turina għadd ta' ritratti tagħha. Kienet tħobb tiddeverti u kienet ħabiba ma' kulħadd minħabba l-karattru soċjevoli li kellha. 
"Kienet tirrispetta ħafna l-ħbieb" qaltilna l-istess tfajla waqt li urietna messaġġ li kienet kitbet u li kien jgħid li "ħbieb tajbin huma bħal kwiekeb.  Mhux dejjem tarahom imma inti taf li qegħdin hemm". 
L-istess tfajla qaltilna li "kienet maħbuba għax anki dak li kienet tikteb kellu dejjem messaġġ pożittiv. Tfaħħar lil min għandu qalbu tad-deheb u ftit jiem ilu biss kitbet 'dejjem itlob għal dawk li jridulek id-deni. Dawn huma l-aktar nies fil-bżonn". 
Residenti Siġġiewi jappellaw għal miżuri ta' sigurtà fil-bypass
Kienu diversi r-residenti Siġġiewin  li tkellmu  ma' inewsmalta u saħqu fuq il-bżonn urġenti li jkun hemm miżuri ta' sigurtà fil-bypass tas-Siġġiewi.  Resident fl-istess bypass qalilna li "hawnhekk kien hawn inċidenti koroh. Regolarment ikun hawn inċidenti oħra żgħar. Ilha ħafna ssir pressjoni anki mal-kunsill biex forsi l-awtoritajiet jagħmlu xi ħaġa".
Residenta oħra qaltilna li "hu fatt magħruf li f'dan il-bypass hemm bżonn issir xi ħaġa. Biss għal xi raġuni jew oħra, baqgħu ma sarux miżuri ta' sigurtà".
Intant inewsmalta hu nfurmat li l-Kunsill lura f'Ottubru li għadda sejjaħ laqgħa ta' konsultazzjoni dwar proposti dwar miżuri ta' sigurtà li l-Kunsill qed jipproponi. Dawn ġew preżentati lil Transport Malta għall-approvazzjoni tagħha. F'dan l-istadju l-kunsill qed jistenna l-aċċetazzjoni minn naħa ta' Transport Malta". 

Ritratt: Pulizija ta' Malta

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home