Malta bir-raba' l-irħas
….bl-inqas taxxi
Wara it-traħħis li kien hemm fil-kontijiet għall-elettriku f'Malta, liema traħħis qed jitgawda kemm mill-familji kif ukoll minn negozji, issa qed jirriżulta li Malta għandha ir-raba' l-inqas prezzijiet għall-elettriku fl-Unjoni Ewropea. Huma biss il-Bulgarija, l-Ungerija u l-Litwanja li għandhom prezzijiet irħas. Apparti dan, Malta flimkien mar-Renju Unit għandha l-inqas rata ta' taxxa fuq l-elettriku. Din tammonta għal 5 fil-mija. Dan jikkuntrasta bil-kbir mat-taxxi fuq l-elettriku fid-Danimarka li jammontaw għal 69 fil-mija, segwiti mill-Ġermanja u mill-Portugal b'52 fil-mija u 50 fil-mija rispettivament. Jirriżulta li l-prezz f'Malta hu 40 fil-mija irħas mill-medja tal-prezz għall-elettriku fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Intant quddiem ix-xejriet fil-prezzijiet tal-enerġija fl-aħħar xhur, kien hemm diversi spekulazzjonijiet madwar l-Ewropa dwar jekk il-prezzijiet tal-enerġija humiex se jibqgħu stabbli jew inkella humiex se jogħlew.
Filfatt tefgħet dawl fuq dan il-Kap Eżekuttiv ġdid tal-kumpanija Engie, li hi waħda mill-akbar kumpaniji privati tal-produzzjoni tal-elettriku fid-dinja.
Isabelle Kocher ddikjarat mal-Financial Times, li prezzijiet tal-elettriku irħas fl-Ewropa jidher li se jibqgħu. "Ma naħsibx li dan hu ċiklu. Naħseb li m'hemm ebda raġuni għaliex il-prezz tal-elettriku għandu jiżdied. Mhux se jerġa' jitla' fil-livelli li kien qabel". Il-previżjonijiet ta' Kocher, ma jaqblux ma' dak li qed ibassru ċerti kumpaniji, fejn dawn qed isostnu li l-prezzijiet għandhom jibdew jogħlew.
Jean Bernard Levy, Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Franċiża EDF qal li "qed niffaċċjaw prezzijiet li huma baxxi ħafna". Hu bassar li l-prezzijiet għandhom jerġgħu jibdew jiżdiedu.
Intant mill-istatistika tal-Eurostat joħroġ li waqt li f'nofs is-sena li għaddiet il-prezz medju f'Malta għal kull 100kWh kien ta' €12.7 , mentri tal-Bulgarija kien ta' €9.6, l-Ungerija €11.5 u tal-Litwanja €12.4.
Id-Danimarka hu l-pajjiż li l-aktar li għandhom prezzijiet għoljin fejn il-medja għal 100kWh kien ta' €30.4. Warajha jiġu l-Ġermanja b'€29.4 u l-Irlanda b'€24.5.
L-istatistika tgħid li bejn nofs is-sena 2014 u s-sena 2015 il-prezzijiet tal-elettriku telgħu b'medja ta' 2.4 fil-mija. Dan ifisser li l-prezz medju tal-elettriku għal kull 100kwh hu ta' €21.1. Jekk wieħed jara x-xejra tal-prezzijiet tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea sa mis-sena 2008 isib li dawn żdiedu b'xejn inqas minn 33 fil-mija.
Mill-istatistika pubblikata joħroġ li l-għola żieda fil-prezzijiet tal-elettriku bejn nofs is-sena 2014 u nofs is-sena 2015 kienu reġistrati fil-Latvja b'żieda ta' 26.8 fil-mija, fil-Belġju bi 15.1 fil-mija, il-Bulgarija b'6.9 fil-mija, ir-Rumanija b'6.1 fil-mija, l-Olanda b'5.8 fil-mija, l-Italja bi 3.8 fil-mija, Franza bi 3.4 fil-mija u l-Portugal bi 2.4 fil-mija.
Kien hemm xi pajjiżi li kellhom tnaqqis fil-prezzijiet għall-enerġija u dawn kienu Ċipru bi tnaqqis ta' 22 fil-mija, il-Litwanja b'5.8 fil-mija, l-Irlanda bi 3.2 fil-mija, l-Estonja b'2.6 fil-mija il-Kroazja b'1.5 fil-mija u r-Renju Unit b'1.4 fil-mija.
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home