'Maħrubin' 417,123 Libjan….identifikaiti 234,669 migrant
Hekk kif il-Gvern ta' Unità fil-Libja għaddej bil-proċess biex jipprova jgħaqqad il-pajjiż, is-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja hi waħda imwiegħra għall-aħħar. Dan qed joħroġ minn studju dettaljat li qed juri li wieħed minn kull 13-il persuna li hemm jgħixu fil-Libja kellhom jitilqu mill-post fejn kienu jgħixu. Mir-rapport joħroġ li hemm 417,123 persuni Libjani li kellhom jitilqu minn fejn jgħixu waqt li hemm 234,669 immigranti identifikati fil-Libja. Ir-rapport jgħid li b'kollox hu stmat li fil-Libja hemm bejn 700,000 u miljun immigrant, b'ħafna minnhom ilhom jaħdmu hemm. Ġie stabbilit li mill-ammont ta' immigranti identifikati hemm xejn inqas minn 9,000 li huma tfal.
Din is-sitwazzjoni li tinsab fil-pajjiż ġar tagħna fl-aħħar xhur u
ġimgħat wasslet biex għadd imdaqqas ta' Libjani fost żgħażagħ joħorġu
mil-Libja u jiġu lejn pajjiżna. Ħafna minn dawn talbu għal ażil u
fil-fatt bejn Jannar u Awwissu l-akbar ammont ta' persuni li talbu ażil
kienu Libjani. Fl-aħħar jiem inewsmalta.com iltaqa' ma'
Mahmoud. Spiċċa arrestat diversi drabi. Ftit ġimgħat ilu ż-żona fejn
kien jgħix kienet attakkata. Daru nqerdet kompletament. Hu ntlaqat
ħafif. Jista' jgħid li kien fortunat li 'grenade' waqa' ħdejh u ma ħax.
Minn hemm iddeċieda li jiġi lejn Malta.
Ir-rapport dettaljat għall-aħħar sar mill-Organizazzjoni
Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM). Fih jingħad b'mod ċar li
"l-kriżi umanitarja hi gravi u dan hekk kif għadd ta' persuni li kellhom
jaħarbu, kemm jekk ċittadini Libjani kif ukoll jekk immigranti, qed
jibqgħu jiġu mċaħħdin minn servizzi bażiċi u mill-iżvalutar tad-Dinar
Libjan. Il-kunflitt ċivili ikkawża dannu estensiv fuq infrastruttura u
fuq djar ta' persuni ċivili. Dan wassal biex ħafna Libjani kellhom
jaħarbu mill-post fejn kienu jgħixu."
L-istudju kien mifrux f'mitt post fil-Libja. Kienu biss erba'
l-postijiet li tqiesu bħala inaċċessibbli u dawn kienu Misrata, Harawa,
Sirte u Al Jaghbub. F'95 post instab li kien hemm Libjani maħrubin u
l-immigranti instabu fi 23 post."
Mir-rapport joħroġ li t-tieni l-akbar ammont ta' ħarbiet minn Libjani
seħħew f'Ġunju tas-sena 2014, fejn ħafna ħarbu minn Benghażi u Tripli.
Ir-rapport jagħti diversi raġunijiet għaliex ħafna Libjani ħarbu minn
fejn kienu jgħixu u dawn kienu "tnaqqis fis-sigurtà, aċċess limitat għal
servizzi tas-saħħa u edukazzjoni, u ħafna ma sabux refuġju f'kampijiet.
Dan wassal biex 49 fil-mija marru joqogħdu f'akkomodazzjoni li qed
iħallsu huma stess. Prezzijiet għolja ta' ikel u kirjiet qed jaffettwaw
b'mod negattiv lil dawn il-persuni." Ir-rapport jgħid li hemm nuqqas ta'
mediċini u injezzjonijiet kontra mard li jittieħed.
Mir-rapport joħroġ li l-belt li l-aktar li qed tospita ċittadini li
ħarbu fil-Libja stess hi Benghażi b'115,000 persuna, u wara jiġu
Ajdabiya b'31,750 persuna, Al Bayda b'21,500 persuna, Abu Salim b'21,475
persuna u Bani Walid b'20,000 persuna.
Jirriżulta iżda li minn Benghażi kien hemm ammont kbir ta' nies (46.8
fil-mija) li ħarbu lejn post ieħor. Wara jiġu Sirte b'13.2 fil-mija u
Tawergha bi 12.2 fil-mija.
Mir-rapport joħroġ ukoll li minn dawn l-417,123 persuna maħrubin, hemm
203,270 li jgħixu f'akkomodazzjoni li qed jikruha huma, 1,925 persuna
qed jgħixu f'akkomodazzjoni li qed iħallashielhom ħaddiehor, 48,464
persuna qed jgħixu ma' qraba, 4,550 qed jgħixu fid-deżert, 14,525
persuna f'kampijiet jew postijiet ta' kenn, 13,855 persuna qed jgħixu
f'postijiet li mhux lesti, 29,480 persuna qed jgħixu fi skejjel u 84,430
persuna mhux magħruf fejn qed jgħixu.
Ir-rapport jgħid li l-akbar problemi li qed jiffaċċjaw il-Libjani
maħrubin huma nuqqas ta' likwidità u prezzijiet għajljin tal-ikel.
Dwar l-immigranti ir-rapport jgħid li ġew identifikati 234,699
immigrant, fejn 89 fil-mija minn dawn huma irġiel, 6.4 fil-mija huma
nisa u 4 fil-mija huma tfal. Dawn instab li qed jgħixu f'postijiet bħal
Abu Salim, Ain Zara, Sabha, Tajoura, Al Jufrah, u Alzintan. L-akbar
konċentrazzjonijiet kien f'Hun, Abu Salm, Oudan, Ibn al Mandur, Bab bin
Ghshir, Al Hadhba al Khadra, Al Awanin, Karkarish u Al Hamidiyah.
Intqal li 46 fil-mija ta' dawn l-immigranti qed jgħixu f'postijiet
informali, 35 fil-mija f'bini mikri, 7 filmija fi swieq, 4 fil-mija
f'ċentri ta' detenzjoni u 3 fil-mija mhux magħruf fejn qed jgħixu. Dawn
l-immigranti ġejjin minn Niger, Eġittu, Ghana, Mali, Chad, Sudan,
Niġerja, Gambja, Sirja, Bangladex, Tuneżija, Somalja u s-Senegal.
Ritratt: Arkivji Ian Noel Pace
minn l-orizzont u inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home