Jitgħatta bil-ħamrija ż-żrar li 'kerrah' id-dħul għall-Imdina
Id-dehra 'kerha' li kienet ingħatat lid-daħla tal-Imdina meta fi proġett li kien sar kif intefa' għadd kbir ta' żrar fi Ġnien Howard barra l-belt kapitali l-qadima, tneħħiet fl-aħħar sigħat u dan hekk kif fuq iż-żrar reġgħet intefgħet il-ħamrija. Persuni li kienu oġġezzjonaw bil-kbir għad-dehra taż-żrar issa huma sodisfatti li d-dehra ta' qabel ġiet irkuprata. Ta' min jgħid li meta kien sar dan il-proġett, Paul Spiteri, li dakinhar kien segretarju tal-Kunsill Lokali tal-Imdina, kien wieġeb għall-kritika li saret u kien qal li min ma jifhimx aħjar ma jitkellimx, għax dan ix-xogħol mhux qed isir minn xi ċuċ.Dwar it-tqegħid taż-żrar fil-ġnien, kien twaqqaf kumitat ta' azzjoni li l-għan tiegħu kien biex jaħdem ħalli jitneħħa ż-żrar li ntefa' għal "skop ta' tisbiħ" fiż-żona ta' quddiem il-bieb prinċipali tal-Imdina. Il-membri tal-kumitat kienu pprotestaw mal-kunsill lokali tal-Imdina, mal-Prim Ministru, mal-Awtorità tat-Turiżmu u mad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.
Karistu Abela, kelliem għall-grupp, kien qalilna li, "Din hi żona storika u sensittiva mil-lat turistiku, li ma jixirqilhiex tingħata din id-dehra orribbli."
Iż-żrar kien intefa' mill-kunsill lokali tal-Imdina. Din l-akkwata, li bosta għandhom l-impressjoni li tagħmel mar-Rabat, fil-fatt taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-kapitali l-qadima, avolja tinsab 'il barra mis-swar.
Ix-xogħol kien sar minn studenti Franċiżi mill-Istitut ta’ Nimes, li għandu fama tajba fejn jidħol xogħol bħal dan. Paul Spiteri kien fisser ukoll li d-dehra bajdanija kienet waħda temporanja sakemm il-proġett jibda jħalli r-riżultati mixtieqa. Huwa kien irrimarka li f'dan iż-żrar se jkun hemm pjanti indiġeni għal pajjiżna, fuq medda ta’ bejn 40 u 50 metru. Spjega kif filwaqt li tpoġġiet il-ħamrija, fuqha tpoġġa l-membrane u fuqha ż-żrar.
Filwaqt li kien instema’ urtat għall-kritika li kienet qed issir, Spiteri kien qal li din qiegħda ssir mill-istess erbgħa minn nies u saħaq li l-proġett kien wieħed professjonali.
L-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (il-MEPA) kienet ħarġet notifika ta' infurzar lill-kunsill tal-Imdina b'rabta ma' dan ix-xogħol.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home